Statistika pubblikata dan l-aħħar mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika turi li s-sena li għaddiet dawk li kellhom xogħol part-time minbarra l-impjieg full-time żdiedu b’9.4%. Dan ifisser li 39,538 persuna jaħdmu aktar minn 40 siegħa fil-ġimgħa u huma aktar f’riskju li jkollhom problemi biex ilaħħqu max-xogħol, id-dmirijiet part-time, il-ħajja familjari u dik soċjali.

Għalkemm jista’ jkun hemm diversi raġunijiet għal dan, iż-żieda qawwija fl-għoli tal-ħajja tfisser li fl-aħħar 12-il xahar il-familji ħabbtu wiċċhom ma’ pressjoni qawwija biex ilaħħqu mal-ħajja. Is-sitwazzjoni qed taffettwa b’mod negattiv il-kwalità tal-ħajja u tista’ tispiċċa ċirku vizzjuż. Sakemm ma taħdimx 60 jew 70 siegħa fil-ġimgħa tista’ tispiċċa b’xebgħa dejn.

Il-UHM Voice of the Workers ilha twissi li s-sitwazzjoni hija ta’ tħassib serju, u dan is-sentiment jinħass waqt żjarat fuq il-postijiet tax-xogħol u f’negozjati ta’ ftehimiet kollettivi ġodda. Għalkemm is-sitwazzjoni tirrifletti dak li kien qed jiġri globalment, hemm sinjali li f’Malta l-għoli tal-ħajja baqa’ jiżdied b’mod qawwi filwaqt li fl-Ewropa din it-tendenza ‘l fuq qed tonqos. Din ix-xejra kuntrastanti fl-inflazzjoni jistħoqqilha attenzjoni biex jiġi stabbilit x’qed jgħolli il-prezzijiet, peress li ċertu spejjeż bħall-ġarr tal-merkanzija u t-trasport niżlu sa mit-tmiem tal-pandemija. Għaliex tnaqqis bħal dan mhux qed jilħaq lill-konsumaturi?

Sfortunatament, l-għodod għall-ġlieda kontra l-inflazzjoni huma pjuttost limitati. Filwaqt li ż-żieda fir-rati tal-imgħax se tgħolli l-pagamenti fuq self u tolqot l-aktar lil dawk li diġà jinsabu f’qagħda finanzjarja delikata, iż-żieda fil-pagi waħedha tista’ twassal għal ċirku vizzjuż li jkompli jgħolli l-ħajja.

Min-naħa l-oħra, it-tnaqqis fit-taxxi jista’ jkun mod kif tiżdied is-saħħa tal-pagi mingħajr ma jiżdiedu l-ispejjeż tal-produzzjoni. Waħda mill-proposti li qed tressaq il-UHM hija li l-overtime ikun intaxxat bir-rata tal-part-time ta’ 10%. B’dan il-mod l-impjegati għandhom l-inċentiv li jagħmlu sigħat żejda fil-post tax-xogħol ewlieni tagħhom, mingħajr ma jiġu ntaxxati b’rati għolja. Mingħajr din il-bidla, ħafna qed jfittxu impjieg part-time x’imkien ieħor.

Miżura ewlenija biex tingħata spinta lis-saħħa tal-pagi hi li ż-żieda għall-għoli tal-ħajja ma tkomplix tiġi intaxxata.  Skont kalkoli preliminari din il-COLA li se titħabbar fil-Budget se tkun ta’ madwar €13 fil-ġimgħa li tammonta għal €676 fis-sena. Kif inhuma l-affarijiet, se jkunu biss dawk bi dħul baxx ħafna li se jirċievu dan l-ammont peress li l-bqija se jkollhom iħallsu t-taxxa fuq il-COLA. Għal dawk bi dħul medju li jħallsu 25% taxxa ikun ifisser li jieħdu €507 u mhux €676.

Miżura oħra tista’ tkun li jiġi eskluż l-ammont li qed jitħallas bħala kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali (bolla) mid-dħul taxxabbli peress li dan qed ifisser tassazzjoni doppja.

B’kollox dawn il-miżuri jistgħu jħallu madwar €1,000 żejda fil-bwiet tal-impjegati, mingħajr ma jiżdiedu l-pagi. Iċ-ċirkostanzi attwali jiddettaw li dan huwa l-prezz li għandu jitħallas biex tiġi miġġielda l-inflazzjoni mingħajr ma jiżdiedu l-pagi.