Jippunta subgħajh flok jerfa’ r-responsabbiltà
Kummenti li għamel dan l-aħħar il-Prim Ministru Robert Abela, li waħħal fil-ħaddiema tal-gvern li għandhom “cushy job”, għar-riżultati diżappuntanti tal-Labour fl-elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju qajmu reazzjoni qawwija, l-aktar mill-Kap Eżekuttiv tal-UHM Josef Vella. Fir-reazzjoni tiegħu, Vella ddeskriva s-sitwazzjoni bħala “surreali,” u kkritika l-mod kif Abela ipponta subgħajh lejn il-ħaddiema tas-settur pubbliku għat-tnaqqis fil-popolarità tal-partit tiegħu.
Id-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru tiddevja mill-kwistjonijiet ewlenin li qed jolqtu lill-gvern u qed joħolqu frustrazzjoni fost l-elettorat. Huwa kruċjali li nirrikonoxxu li s-settur pubbliku, filwaqt li mhux nieqes mill-ineffiċjenzi tiegħu, mhuwiex il-kawża ewlenija tat-telf ta’ voti tal-Partit Laburista . Il-problemi reali jinsabu x’imkien ieħor, u t-tentattiv tal-gvern li jitfa’ t-tort fuq il-ħaddiema tal-Gvern mhux biss huwa inġust iżda wkoll kontroproduttiv.
Niċċelebraw u mbagħad nippuntaw
Xahar ilu biss, il-ħaddiema tas-servizz pubbliku kienu fiċ-ċentru tal-attenzjoni u qalgħu eloġju sħiħ fil-Public Service Expo, avveniment li sewa kważi €700,000. Iżda bil-kummenti li saru, din iċ-ċelebrazzjoni tal-impjegati tas-settur pubbliku tqanqal mistoqsijiet dwar kemm kienet ġenwina. Din il-bidla drammatika fin-narrattiva mhijiex biss sors ta’ konfużjoni iżda qed tbaxxi l-moral għal dawk li jservu fis-settur pubbliku. Jekk il-gvern verament jemmen fil-ħaddiema tiegħu allura għandu jibqa’ warajhom dejjem.
Ir-raġunijiet li verament ħaqqhom analiżi
Vella rrimarka bir-raġun li l-kwistjonijiet li jwasslu għall-prestazzjoni elettorali fqira tal- imorru lil hinn mis-settur pubbliku. L-iskandlu tal-Vitals u Steward, fost affarijiet oħra, kienu sorsi sinifikanti ta’ rabja fost l-elettorat. Dan kien każ li fih spikka l-użu ħażin tal-fondi pubbliċi u l-falliment ta’ dawk li dmirhom kien li jaraw li l-affarijiet jimxu sew. Nuqqasijiet gravi bħal dawn inaqqsu l-fiduċja fil-gvern. It-tentattiv ta’ Abela li jiddevja l-attenzjoni minn dawn il-kwistjonijiet kritiċi billi jitfa’ t-tort fuq ħaddiema tas-settur pubbliku mhux biss huwa żbaljat iżda wkoll ta’ inġust mal-elettorat.
Barra minn hekk, kwistjonijiet urġenti bħall-konġestjoni tat-traffiku, id-degradazzjoni ambjentali, u ż-żieda fl-għoli tal-ħajja probabbilment huma ħafna aktar relevanti għall-analiżi dwar x’tellef il-voti. Dawn huma l-oqsma fejn għandha tkun iffukata l-attenzjoni tal-gvern aktar milli jsib skużi f’min se jwaħħal.
Sejħa għall-kontabilità u l-meritokrazija
L-appell li għamel il-kap eżekuttiv tal-UHM biex il-prim ministru jispeċifika għal liema “cushy jobs” irrefera kienet sejħa importanti. Jekk tabilħaqq hemm pożizzjonijiet fi ħdan is-settur pubbliku li huma nieqsa mill-meritokrazija, dawn għandhom jiġu indirizzati b’mod trasparenti u ġust. Il-gvern irid jiżgura li l-ħatriet ikunu bbażati fuq mertu u kompetenza aktar milli konnessjonijiet politiċi. Dan mhux biss se jtejjeb l-effiċjenza tas-settur pubbliku iżda jsaħħaħ il-fiduċja fost l-elettorat dwar il-kredenzjali tal-gvern dwar il-ġustizzja u r-responsabbiltà.
Mexxej għandu jerfa’ r-responsabbiltà aktar milli jippunta s-swaba’
Huwa importanti li l-gvern ma’ jibqax iħares lejn f’min se jwaħħal iżda jara min għandu jerfa’ ċertu responsabbiltà. L-indirizzar tal-kwistjonijiet reali li jaffettwaw il-pajjiż u l-importanza li l-ħatriet fis-settur pubbliku jimxu bil-meritokrazija huma ingredjenti importanti biex ikun hawn governanza tajba. L-elettorat jixraqlu mexxejja li jerfgħu r-responsabbiltà għall-azzjonijiet u d-deċiżjonijiet tagħhom, mhux mexxeja li jipprovaw jitfgħu it-tort fuq dawk li jaqdu dmirhom biex joffru servizz lill-pubbliku.