Il-kumitati għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-Baġits talbu biex il-finanzjament għall-irkupru jkun marbut mar-rispett tas-saltna tad-dritt, u biex jiġi żgurat dħul massimu fuq l-investiment. Ir-rapport, adottat mill-MPE bi 73 vot favur, 10 kontra 10 u 13-il astensjoni, hu maħsub biex jinfluwenza r-reviżjoni li jmiss tal-Kummissjoni tal-implimentazzjoni tal-Faċilità ta’ Rkupru u Reżiljenza (RRF) sal-31 ta’ Lulju 2022.

Il-ħarsien tal-finanzi u l-valuri tal-UE

Il-MPE jridu li l-Kummissjoni tiżgura mekkaniżmu ta’ verifika u monitoraġġ b’saħħtu għan-nefqa, l-implimentazzjoni u l-ġestjoni tad-data tal-RRF. Dan, jgħidu l-MPE, jipprevjeni l-użu ħażin, il-finanzjament doppju jew id-duplikazzjoni tal-objettivi ma’ programmi oħra ta’ finanzjament tal-UE.

Ir-rapport jenfasizza l-importanza tal-konformità mas-saltna tad-dritt u mal-Artikolu 2 TFUE bħala prerekwiżiti għall-aċċess għall-finanzjament tal-RRF, u li l-mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità tas-saltna tad-dritt tal-UE huwa applikabbli bis-sħiħ għall-RRF. Il-MPE jistennew li l-Kummissjoni toqgħod lura milli tapprova l-abbozz tal-pjanijiet nazzjonali tal-Polonja u l-Ungerija sakemm jippersisti t-tħassib dwar l-osservanza tas-saltna tad-dritt, l-indipendenza ġudizzjarja, il-miżuri kontra l-frodi, il-kunflitti ta’ interess u l-korruzzjoni.

Is-saltna tad-dritt u l-ġestjoni finanzjarja soda tal-fondi tal-UE jeħtieġu evalwazzjoni kontinwa matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-RRF u għandu jkun possibbli li jitwaqqfu jew jiġu rkuprati fondi diġà maħruġa f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità.

Trasparenza

Il-MPE jtennu l-importanza tat-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Irkupru u r-Reżiljenza biex tipprovdi informazzjoni bażika għaċ-ċittadini dwar il-progress ġenerali fl-implimentazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali. Huma jistennew monitoraġġ kontinwu tal-implimentazzjoni tas-sitt pilastri tal-RRF, kif ukoll il-mira ta’ 37% għall-infiq ekoloġiku u 20% għal kwistjonijiet diġitali. Huma jfakkru li l-istati membri għandhom jiġbru u jiżguraw aċċess għad-data dwar is-sid/sidien benefiċjarju/i tar-riċevitur tal-fondi u l-benefiċjarji tal-programm.

Awtonomija strateġika, gwerra fl-Ukrajna u investiment soċjali

L-investimenti tal-RRF fit-tranżizzjoni ekoloġika u t-trasformazzjoni diġitali għandhom jikkontribwixxu biex tiżdied l-awtonomija strateġika u l-indipendenza tal-UE, biex titnaqqas id-dipendenza tagħha fuq il-fuels importati. Madankollu, il-MPE jappellaw għal aktar proġetti bejn diversi pajjiżi, bħat-titjib tal-interkonnessjoni tan-netwerks Ewropej tal-enerġija tal-gass u tal-elettriku u s-sinkronizzazzjoni sħiħa tal-grids tal-enerġija. Huma jenfasizzaw ir-rwol tal-RRF fit-tnedija ta’ REPowerEU u jgħidu li s-self disponibbli taħt l-RRF jista’ jintuża biex jissupplimenta dawn il-proġetti u javvanza l-investiment fit-tranżizzjoni tal-enerġija tal-UE, li jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għas-sovranità tal-enerġija tal-UE.

Huma jħeġġu wkoll lill-istati membri biex jużaw il-potenzjal sħiħ tal-RRF, inkluż is-self, biex jiġġieldu l-effetti tal-isfidi attwali u futuri – f’oqsma bħall-SMEs, il-kura tas-saħħa, miżuri biex jappoġġjaw lir-refuġjati Ukreni, u l-għajnuna lill-amministrazzjoni lokali u reġjonali fl-użu tal-finanzjament b’mod effettiv.

Fl-aħħar nett, il-MPE jemmnu li abbażi tal-eżempju tal-RRF, bħala parti mill-NextGenerationEU, il-valur miżjud qawwi ta’ rispons komuni tal-UE li jista’ jiġi mobilizzat malajr biex ilaħħaq ma’ kriżijiet u sfidi ġodda jista’ jispira inizjattivi u mekkaniżmi futuri fl-UE.