Il-Parlament u l-vaganzi tas-sajf
Fl-aħħar snin saret xi ħaġa normali li l-Kamra tad-Deputati taġġona għal vaganzi tas-sajf f’Lulju u ddum wieqfa għal tliet xhur sħaħ sal-bidu ta’ Ottubru.
Filwaqt li l-waqfa tas-sajf hi xi ħaġa normal f’ħafna sistemi parlamentari, li tieqaf għal dan iż-żmien kollu hi xi ħaġa li ġġiegħlek taħseb. Madankollu, il-fatt li dan ma tantx qanqal dibattitu jew kontroversja hu sinifikanti wkoll għax jirrifletti wkoll li għall-elettorat Malti donnu jgħaddi kollox. Ta’ min jinnota li sa ftit snin ilu l-vaganzi tas-sajf kienu ta’ ftit ġimgħat f’Awwissu sal-bidu ta’ Settembru. Saħansitra fi żmien Dom Mintoff ma tantx kien ikun hemm waqfien mhux biss fis-sajf imma anke fi żmien il-Milied. Ironikament, filwaqt li l-vaganzi tas-sajf tal-parlament qed jitwalu, il-kumplament tal-popolazzjoni qed issibha dejjem iktar diffiċli biex tlaħħaq bejn ix-xogħol u l-ħajja privata tagħhom anke fl-eqqel tas-sajf.
Din il-kwistjoni jistħoqqilha konsiderazzjoni bir-reqqa tal-implikazzjonijiet tagħha fuq id-demokrazija, il-governanza, u l-fiduċja tal-pubbliku fid-deputati parlamentari. Minn naħa waħda, vaganzi fit-tul jagħtu ċans lil-leġiżlaturi biex jistrieħu u jwettqu xogħol ta’ kostitwenza.
Madankollu, waqfa daqshekk twila tqajjem ukoll tħassib dwar ir-responsabbiltà u l-livell ta’ governanza. Il-poplu jeleġġi rappreżentanti biex iħarsu l-interessi tagħhom u jindirizzaw kwistjonijiet urġenti. Żmien twil ’il bogħod minn dmirijiethom jista’ jibgħat messaġġ bħala nuqqas ta’ ħeġġa li jservu, b’riżultat li titnaqqar il-fiduċja tal-elettorat fis-sistema politika. Barra minn hekk, tista’ tfixkel il-mod kif il-pajjiż jindirizza problemi serji, kriżijiet li jistgħu jinqalgħu minn mument għall-ieħor jew il-ħtieġa li jgħaddu ċertu liġijiet ta’ importanza kritika. F’dan ir-rigward f’dan is-sajf assistejna għall-kriżi fil-provvista tal-elettriku f’Lulju u l-problema kbira tal-ġbir tal-iskart li għadha magħna. Minkejja dan, il-parlament bil-vaganzi kien u bil-vaganzi baqa’.
Kif inhuma l-affarijiet in-nuqqas ta’ skrutinju parlamentari iqajjem mistoqsijiet serji dwar il-kontabbiltà tal-gvern.
Vaganzi tas-sajf daqshekk twal mhux neċessarjament ikunu ta’ detriment għad-demokrazija u l-governanza, sakemm jintużaw b’mod għaqli. Waqfa bħal din tista’ sservi opportunità siewja għal-leġiżlaturi biex jitkellmu mal-kostitwenti tagħhom, jagħmlu pjanar strateġiku, u jtejbu l-mod kif taħdem is-sistema politika. Madankollu, huwa importanti ħafna li din il-waqfa ma tkunx skuża biex id-deputati joqgħodu sieq fuq sieq ma jagħmlu xejn.
Ir-responsabbiltà li jroddu l-fiduċja li wera fihom l-elettorat u jiżguraw governanza effettiva tibqa’ kruċjali anke waqt il-perijodu tal-vaganzi tas-sajf.