Regoli ġodda dwar is-cyber resilience  se jistabbilixxu sett uniformi ta’ għall-prodotti diġitali kollha fl-Unjoni Ewropea. L-abbozz ta’ att approvat mill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija għandu l-għan li jiżgura li prodotti b’karatteristiċi diġitali, eż. telefowns jew ġugarelli, huma siguri għall-użu, reżistenti kontra t-theddid ċibernetiku u jipprovdu biżżejjed informazzjoni dwar il-proprjetajiet tas-sigurtà tagħhom.

Il-MPE jipproponu definizzjonijiet aktar preċiżi, skedi ta’ żmien fattibbli, u distribuzzjoni aktar ġusta tar-responsabbiltajiet. L-abbozz ta’ regoli jpoġġi l-prodotti f’listi differenti bbażati fuq il-livell ta’ riskju. Il-MPE jissuġġerixxu li tespandi din il-lista bi prodott bħal software ta’ sistemi ta’ ġestjoni tal-identità, maniġers tal-passwords, qarrejja bijometriċi, assistenti tad-dar intelliġenti, arloġġi intelliġenti u kameras tas-sigurtà privati. Il-prodotti għandu jkollhom ukoll aġġornamenti tas-sigurtà installati awtomatikament u separatament minn dawk tal-funzjonalità.

Jenfasizzaw ukoll l-importanza tal-ħiliet professjonali fil-qasam tas-cybersecurity, billi jipproponu programmi ta’ edukazzjoni u taħriġ, inizjattivi ta’ kollaborazzjoni, u strateġiji għat-titjib tal-mobilità tal-forza tax-xogħol.

Il-passi li jmiss

Il-MPE fil-Kumitat tal-Industrija appoġġaw l-abbozz tal-att dwar is-cyber resilience b’61 vot kontra 1, b’10 astensjonijiet. Ivvutaw ukoll biex jinfetħu n-negozjati mal-Kunsill b’65 vot kontra 2, u 5 astensjonijiet – deċiżjoni li se jkollha tingħata l-approvazzjoni mill-plenarja.

Sfond

Teknoloġiji ġodda jiġu b’riskji ġodda, u l-impatt taċ-ċiberattakki permezz ta’ prodotti diġitali żdied b’mod drammatiku f’dawn l-aħħar snin. Il-konsumaturi sfaw vittmi ta’ difetti ta’ sigurtà marbuta ma’ prodotti diġitali bħal baby monitors, robot-vacuum cleaners, Wi-Fi routers u sistemi ta’ allarm. Għan-negozji, l-importanza li jiġi żgurat li l-prodotti diġitali fil-katina tal-provvista jkunu siguri saret kruċjali, meta wieħed iqis tlieta minn kull ħames bejjiegħa diġà tilfu l-flus minħabba lakuni fis-sigurtà tal-prodott.