Il-Parlament hu mgħaddab dwar l-atroċitajiet mwettqa mill-forzi armati Russi u jitlob li l-awturi ta’ delitti tal-gwerra jinżammu responsabbli.

F’riżoluzzjoni adottata bi 513-il vot favur, 22 kontra u 19-il astensjoni, il-MPE talbu għal miżuri punittivi addizzjonali, inkluż “embargo sħiħ immedjat fuq l-importazzjonijiet mir-Russja ta’ żejt, faħam, fuel nukleari u gass.

Dan għandu jkun akkumpanjat minn pjan biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-UE, kif ukoll strateġija biex “jitnaqqsu s-sanzjonijiet f’każ li r-Russja tieħu passi lejn ir-restawr tal-indipendenza, is-sovranità, l-integrità territorjali tal-Ukrajna fi ħdan il-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment u tneħħi kompletament it-truppi tagħha mit-territorju tal-Ukrajna”.

L-esklużjoni tar-Russja mill-G20 u minn organizzazzjonijiet multilaterali oħra

Is-sanzjonijiet eżistenti issa jridu jiġu implimentati bis-sħiħ u b’mod effettiv madwar l-UE u mill-alleati internazzjonali tal-UE bħala kwistjoni ta’ prijorità, jinsistu il-MPE. Huma jappellaw lill-mexxejja tal-UE biex jeskludu lir-Russja mill-G20 u mill-organizzazzjonijiet multilaterali l-oħra, bħall-UNHRC, l-Interpol, l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, l-UNESCO u oħrajn, “li jkun sinjal importanti li l-komunità internazzjonali mhux ser tibda topera bħas-soltu mal-istat aggressur”.

Biex is-sanzjonijiet isiru aktar effettivi, il-Parlament jitlob li l-banek Russi jiġu esklużi mis-sistema SWIFT, biex il-bastimenti kollha konnessi mar-Russja jiġu pprojbiti milli jidħlu fl-ilmijiet territorjali tal-UE u milli jittrakkaw f’portijiet tal-UE u biex it-trasport tal-merkanzija bit-triq mir-Russja u lejn il-Belarussja jiġi pprojbit. Il-MPE jitolbu wkoll is-sekwestrar tal-“assi kollha li jappartjenu lill-uffiċjali Russi jew l-oligarki assoċjati mar-reġim ta’ Putin, il-prokuraturi tagħhom u dawk li jaġixxu f’isimhom, kif ukoll dawk fil-Belarussja marbuta mar-reġim ta’ Lukashenka”.

Filwaqt li tindika l-involviment tal-Bjelorussja fil-gwerra fl-Ukrajna, ir-riżoluzzjoni titlob li s-sanzjonijiet fuq il-Bjelorussja jirriflettu dawk introdotti kontra r-Russja sabiex jingħalqu kwalunkwe lakuni li jippermettu lil Putin juża l-għajnuna ta’ Lukashenka biex jevita s-sanzjonijiet.


Il-kunsinni tal-armi għandhom ikomplu u jiżdiedu

Il-MPE jirreferu għall-atroċitajiet xokkanti, “li bla dubju jammontaw għal delitti tal-gwerra”, imwettqa mit-truppi Russi fl-Ukrajna u b’mod partikolari f’Bucha, li qerdu kompletament jew kważi kompletament Mariupol, Volnovakha u bliet u rħula oħra. Huma jenfasizzaw li l-awturi ta’ delitti tal-gwerra għandhom jinżammu responsabbli u jappellaw biex jitwaqqaf tribunal speċjali tan-NU għad-delitti fl-Ukrajna.

Il-Parlament itenni li l-kunsinni tal-armi għandhom ikomplu u jiġu intensifikati biex l-Ukrajna tkun tista’ tiddefendi lilha nnifisha b’mod effettiv. Il-MPE jappoġġaw aktar għajnuna difensiva mogħtija lill-forzi armati Ukreni individwalment mill-Istati Membri tal-UE u kollettivament permezz tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi.

Filwaqt li jinnotaw li kważi 6.5 miljun ċittadin Ukren ġew spustati internament u aktar minn 4 miljuni ħarbu mill-pajjiż minħabba l-gwerra, il-MPE japellaw għal kurituri umanitarji sikuri biex jevakwaw iċ-ċivili li qed jaħarbu mill-bumbardamenti u biex in-netwerks ta’ għajnuna umanitarja tal-UE fl-Ukrajna jingħataw spinta.

Huma jikkundannaw ir-retorika Russa li tgħid li r-reġim jista’ jirrikorri għall-użu ta’ armi ta’ qerda massiva u jenfasizzaw li kwalunkwe tali użu ser jintlaqa’ bl-aktar konsegwenzi severi.