Il-MPE jegħlbu ostaklu ieħor għall-pjan ta’ rkupru mill-COVID-19
Il-Parlament Ewropew approva tliet liġijiet fuq l-implimentazzjoni tas-sistema tar-Riżorsi Proprji tal-UE, biex iwitti t-triq għar-riforma tagħha u għall-introduzzjoni ta’ sorsi ġodda ta’ dħul għall-UE.
Il-Membri Parlamentari Ewropej adottaw regolament ta’ implimentazzjoni u żewġ regolamenti operattivi dwar liema metodi għandhom jintużaw biex jinġabru jew isiru disponibbli Riżorsi Proprji speċifiċi, li jikkostitwixxu d-dħul għall-baġit tal-UE. It-tliet liġijiet jaħdmu flimkien mad-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji (DRP), approvata mill-Parlament f’Settembru u mill-Kunsill f’Diċembru 2020. L-Istati Membri bħalissa jinsabu fil-proċess ta’ ratifikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni, u tlettax mis-27 diġà kienu għamlu dan sat-18 ta’ Marzu (aktar dwar ir-ratifikazzjoni hawn).
Ir-regolamenti approvati jinkludu dispożizzjonijiet li jikkalkulaw u jissimplifikaw id-dħul tal-UE, dwar l-immaniġġjar ta’ kif jidħlu l-flus, u dwar id-drittijiet ta’ monitoraġġ u spezzjoni. Dawn huma meħtieġa biex jiżguraw li n-naħa riformata tad-dħul tal-baġit tal-UE tkompli tiffunzjona mingħajr xkiel.
Ladarba l-Istati Membri kienu rratifikaw id-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji (DRP), il-pakkett adottat se japplika mill-1 ta’ Jannar 2021. Se jintroduċi taxxa ġdida fuq il-plastik bħala l-ewwel minn bosta sorsi ta’ dħul ġodda li se jiġu stabbiliti bejn issa u l-2026. Id-DRP se tippermetti lill-UE tissellef €750 biljun għall-pjan ta’ rkupru “Next Generation EU”.
Waqt in-negozjati fuq il-baġit fit-tul tal-UE għall-2021-2027, il-MPE kisbu pjan direzzjonali għas-sorsi ġodda ta’ dħul tal-UE. It-tliet passi tal-Pjan Direzzjonali għar-Riżorsi Proprji huma dawn:
- L-ewwel pass (2021): kontribuzzjoni fuq il-plastik introdotta f’Jannar 2021, proposti leġiżlattivi ġodda fuq mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera, taxxa diġitali u sistema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet se jiġu sottomessi sa Ġunju;
- It-tieni pass (2022 u 2023): il-Kunsill se jiddelibera fuq dawn is-sorsi ġodda ta’ dħul sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Lulju 2022 sabiex ikunu jistgħu jiġu introdotti sal-1 ta’ Jannar 2023;
- It-tielet pass (2024-2026): sa Ġunju 2024, il-Kummissjoni se tressaq proposta għal riżorsi proprji addizzjonali ġodda, li jistgħu jinkludu Taxxa fuq it-Tranżazzjonijiet Finanzjarji u kontribuzzjoni finanzjarja mis-settur korporattiv jew bażi komuni ġdida għat-taxxa korporattiva. Il-Kunsill se jiddelibera fuq dawn is-sorsi ġodda ta’ dħul sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Lulju 2025 sabiex ikunu jistgħu jiġu introdotti sal-1 ta’ Jannar 2026.