Il-kandidati ewlenin jippreżentaw il-prijoritajiet tagħhom għall-presidenza tal-Kummissjoni Ewropea
Fil-Parlament Ewropew, sar id-dibattitu Eurovision bejn il-kandidati ewlenin għall-presidenza tal-Kummissjoni Ewropea.
Walter Baier (Awstrija, Xellug Ewropew), Sandro Gozi (Italja, Renew Europe Now), Ursula von der Leyen (Ġermanja, Partit Popolari Ewropew), Terry Reintke (Ġermanja, Ħodor Ewropej) u Nicolas Schmit (Lussemburgu, Partit tas-Soċjalisti Ewropej) ipparteċipaw fid-dibattitu, organizzat mill-Unjoni Ewropea tax-Xandir (EBU) f’kollaborazzjoni mal-partiti politiċi Ewropej u l-Parlament Ewropew.
Id-dibattitu ffoka fuq l-ekonomija u l-impjiegi, id-difiża u s-sigurtà, il-klima u l-ambjent, id-demokrazija u l-governanza, il-migrazzjoni u l-fruntieri, u l-innovazzjoni u t-teknoloġija.
Il-mistoqsijiet saru mill-udjenza li kienet fil-kamra plenarja, mit-telespettaturi li segwew avvenimenti organizzati mill-Uffiċċji ta’ Kollegament tal-Parlament fl-Istati Membri tal-UE, u miż-żewġ moderaturi. Il-kandidati ffaċċjaw ukoll mistoqsijiet individwali mill-moderaturi fl-hekk imsejħa segmenti “Spotlight”.
Tista’ terġa’ tara d-dibattitu fuq il-Multimedia Centre tal-Parlament u fuq is-sit web tal-EBU