Il-ħarsien tad-drittijiet tas-sigurtà soċjali fl-UE u l-moviment ħieles
Kull ċittadin tal-UE għandu d-dritt li jgħix jew jaħdem fi kwalunkwe Stat Membru. Biex tiffaċilita dan il-moviment ħieles, l-UE tiggarantixxi li d-drittijiet tas-sigurtà soċjali huma mħarsa taħt is-sistema ta’ koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali tal-UE.
Din is-sistema tgħaqqad is-sistemi nazzjonali tas-sigurtà soċjali u tiżgura li persuna jkollha kopertura kontinwa meta tmur fi Stati Membri oħra, kemm jekk għal xogħol, btala, biex tirtira jew għal kura tas-saħħa ppjanata. Tiggarantixxi wkoll li ċ-ċittadini ma jispiċċawx iħallsu l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali f’żewġ Stati Membri.
Taħt is-sistema, iċ-ċittadini tal-UE huma intitolati għal trattament ugwali fl-Istati Membri kollha. Dan ifisser li jekk xi ħadd ikun qed jaħdem barra, il-bżonnijiet tal-kura tas-saħħa tiegħu huma garantiti li jiġu sodisfatti bl-istess mod li jkunu għal xi ħadd li jgħix f’dak l-Istat.
Benefiċċji soċjali oħra bħall-pensjonijiet, huma wkoll garantiti. Jekk xi ħadd jagħżel li jirtira fi Stat Membru differenti minn dak fejn qatta’ l-ħajja tax-xogħol tiegħu, il-pensjoni tiegħu ma tistax tiġi mnaqqsa, mibdula, sospiża, irtirata jew konfiskata.
Aktar informazzjoni dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali tal-UE, kif jaħdmu r-regoli fil-prattika u kemm qed jibbenefikaw minn dawn id-drittijiet tista’ ssibha hawn. SEM jista’ jiġi kkuntattjat fuq info.sem@gov.mt