Il-ħaddiema barranin issa qabżu l-115,000
Minkejja s-sinjali li ż-żieda fil-popolazzjoni żejda qed tħalli impatt negattiv fuq il-Gżejjer Maltin, l-influss ta’ ħaddiema barranin kompla għaddej bit-total ta’ ħaddiema barranin (iddikjarati) sal-aħħar tas-sena li għaddiet jilħaq il-115,721. It-total ifisser żieda ta’ 11,282 meta mqabbel ma’ sitt xhur qabel.
Il-kwistjoni dan l-aħħar tqajmet fil-Parlament mid-Deputat tal-Oppożizzjoni Chris Said li staqsa lill-Ministru tal-Intern Byron Camilleri għan-numru ta’ ħaddiema barranin f’Malta, inkluż in-nazzjonalitajiet rispettivi tagħhom. Għalkemm din l-aħħar informazzjoni ma ġietx żvelata, mill-informazzjoni mressqa fil-Parlament irriżulta li sal-aħħar ta’ Diċembru 2023, kien hemm 36,840 ċittadin tal-UE u 78,881 ċittadin ta’ pajjiżi terzi. Dan ifisser li wieħed minn kull tliet ħaddiema fil-Gżejjer Maltin huwa barrani. Madankollu, in-numru ta’ ħaddiema barranin jista’ jkun saħansitra ogħla peress li huwa sigriet magħruf li hemm ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti Malta illegalment. Din il-kwistjoni toħroġ fid-deher kull darba li jkun hemm rejd mill-pulizija tal-immigrazzjoni, li ħafna drabi jwassal għad-deportazzjoni ta’ għexieren ta’ nies. Fl-aħħar għaxar snin, il-ħaddiema minn barra l-UE (TCNs) żdiedu b’aktar minn 12-il darba hekk kif fl-2013 dawn kienu jammontaw għal 6,410 biss.
Skont l-aħħar statistika, sa Diċembru 2023 il-maġġoranza l-kbira tat-TCNs, kienu impjegati full-time (76,837) b’2,044 biss li kellhom impjieg part-time. Sadattant, il-ħaddiema Maltin jgħoddu 200,772 li minnhom 172,941 jaħdmu full-time. B’kollox, is-suq tax-xogħol f’Malta fl-aħħar ta’ Diċembru 2023 kien jammonta għal 316,493 individwu.
Iż-żieda fil-popolazzjoni qed tpoġġi ir-riżorsi tal-pajjiż taħt pressjoni dejjem akbar. Il-konġestjoni tat-traffiku saret sfida ta’ kuljum, bit-toroq staġnati. It-trasport pubbliku mhux ilaħħaq mad-domanda b’riżultat li s-servizz mhux qed jaqdi lil kulħadd. Fil-qasam tal-housing, il-prezz tal-propjetà u tal-kirjiet sar għoljin wisq għall-maġġoranza taż-żgħażagħ, u s-servizzi tas-saħħa pubblika mhux qed ilaħħqu mad-domanda dejjem tikber.
Huwa fatt li filwaqt li ż-żieda fil-ħaddiema barranin, tikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku, qed twassal ukoll għall-bżonn urġenti għal tisħiħ infrastrutturali. Hemm bżonn ta’ bilanċ biex id-daqs tas-suq tax-xogħol ma jkunx ta’ piż iktar milli ta’ ġid. Fl-aħħar mill-aħħar is-suċċess ekonomiku ma jistax jiġi b’detriment tal-kwalità tal-ħajja tar-residenti tagħha. B’hekk biss tintlaħaq il-mira ta’ futur sostenibbli għal kulħadd.