Il-ġustizzja trid titħalla tieħu l-kors tagħha
L-egħluq tal-inkjesta maġisterjali dwar il-ftehim tal-isptarijiet lil Vitals u Steward reġa’ poġġa taħt il-lenti wieħed mill-aktar każijiet infami ta’ tmexxija ħażina u korruzzjoni tal-aħħar snin. F’ħames snin biss mill-2016 sal-2021, is-somma xokkanti ta’ €267 miljun, u potenzjalment €400 miljun – meta wieħed jgħodd għas-snin ta’ wara – intremiet mit-taxxi tal-poplu bla ma ħadd għandu x’juri għalihom. Iċ-ċifri joħorġu mill-investigazzjoni tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika. Dan mhux biss skandlu finanzjarju imma huwa wkoll tradiment tal-fiduċja pubblika u xhieda tal-impunità li biha joperaw ċerti entitajiet.
Sa mill-bidunett kien hemm min wissa li dan kien ftehim ferm dubjuż. Il-UHM Voice of the Workers u l-Union tat-Tobba (MAM) qajmu tħassib leġittimu dwar l-immaniġġjar tal-konċessjoni u n-nuqqas ta’ għarfien espert ta’ min kien se jieħu t-tmexxija. Dawn it-twissijiet ma ngħatawx widen, b’riżultat li wara kien hemm Litanija sħiħa ta’ tmexxija ħażina, kollużjoni, u fl-aħħar mill-aħħar, l-annullament tal-ftehim mill-qrati.
L-investigazzjoni tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika, li sab li kienet hemm kollużjoni, ikkonfermaw dak li ħafna kienu ssuspettaw sa mill-bidu. Is-sentenzi sussegwenti tal-qorti, li iddikjaraw il-ftehim null komplew jenfasizzaw il-gravità tal-kas. Din hi tfakkira qawwija li l-istituzzjonijiet imfassla biex iħarsu l-interessi pubbliċi għandhom jibqgħu viġilanti u sodi fid-doveri tagħhom. Sfortunatament, irriżulta li istituzzjonijiet bħal dawn kienu bla sinsla jekk mhux kompliċi.
Madankollu, it-triq għall-ġustizzja hija mimlija ostakli. L-attakki fuq il-ġudikatura, id-dubji li qed jinżergħu dwar iż-żmien tal-għeluq tal-inkjesta u saħansitra l-merti tal-kontenut innifsu huma theddida serja u forma ta’ intimidazzjoni politika. Tali aġir m’għandhomx jaqtgħu qalb biex toħroġ il-verità. Dawk responsabbli għal dan l-abbuż flagranti tal-fondi pubbliċi għandhom jinżammu responsabbli, irrispettivament mill-pożizzjoni jew l-influwenza tagħhom.
Il-vittmi ta’ dan l-iskandlu ma jixirqilhom xejn inqas, u minnu tiddependi l-integrità tal-istituzzjonijiet tagħna. Jalla l-inkjesta maġisterjali tkun raġġ ta’ dawl li toffri tama li l-kontabbiltà tirbaħ, u ejjew ma nistrieħux sakemm dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja. It-trasparenza, ir-responsabbiltà u s-sorveljanza stretta mhumiex negozjabbli jekk irridu nevitaw li nerġgħu nispiċċaw fil-lista griża mill-FATF. Sfortunatament, il-fatt li l-gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta qed jiffaċċja akkużi b’rabta ma’ dan l-iskandlu, ma jawgurax tajjeb u żgur li se jxekkel kull sforz biex titħares ir-reputazzjoni ta’ Malta.
Sfortunatament, iċ-ċansijiet li jiġu rkuprati l-miljuni mitlufa jidhru dgħajfa. Bi Steward li issa iddikjarat falliment u Vitals li sparixxew, iċ-ċansijiet li nieħdu xi ħaġa lura jidhru remoti. Dan ikabbar biss is-sens ta’ inġustizzja li jħoss il-poplu onest li jħallas it-taxxi li spiċċa ħallas minn butu. Il-vittmi reali ta’ dan l-iskandlu huma l-aktar vulnerabbli…dawk li jiddependu kompletament fuq l-Istat għall-bżonnijiet tal-kura tas-saħħa tagħhom. Il-flus li ntremew f’dan il-ftehim kellhom jiġu użati jindirizzaw bżonnijiet akuti bħall-iffullar fl-isptarijiet.