Il-ġurnaliżmu huwa pilastru tad-demokrazija
F’intervista li saret dan l-aħħar minn Voice of the Workers, Sylvana Debono, il-President il-ġdid tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) u Editor-in-Chief ta’ Beacon Media Group, saħqet li mingħajr ix-xogħol tal-ġurnalisti d-demokrazija ma tistax tiffunzjona b’mod sħiħ. Hi qalet li l-ġurnalist għandu jkun rispettat iżjed u jitħalla jwettaq dmiru fil-libertà u bla tfixkil.
Il-President tal-IĠM tkellmet dwar il-prijoritajiet tal-Istitut għaż-żmien li ġej u saħqet, fost oħrajn, dwar il-ħtieġa li terġa’ titwaqqaf il-Press Ethics Commission.
L-IĠM se jkun qed jagħmel enfasi kbira fuq l-edukazzjoni kif ukoll fuq l-aspett tas-sħubija fl-Istitut u, għaliex le, fil-ħajja soċjali tal-ġurnalisti.
Sylvana Debono qalet li l-ġurnaliżmu għandu ħafna sfidi quddiemu u saħqet li dan il-qasam jimmira għall-professjonalità.
Hi qalet li l-ġurnaliżmu llum għandu ħafna sorsi li jista’ joqgħod fuqhom iżda l-ġurnalist irid ikun iżjed kritiku u jassigura lilu nnifsu.
Sylvana Debono tinkwieta mhux bin-nuqqas ta’ apprezzament tal-ġurnaliżmu mill-pubbliku imma mill-abbiltà tal-pubbliku li jkun kritiku biex joffendi u jintimida.
Il-President tal-IĠM wasslet messaġġ ta’ kuraġġ lill-ġurnalisti preżenti.
Lil min jixtieq jidħol f’dan ix-xogħol, Sylvana Debono ħeġġet lill-ġurnalisti prospettivi biex jaqraw u jistaqsu.