Il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa
Il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana dan l-aħħar ħabbar l-intenzjoni tal-gvern li jiġġieled l-evażjoni tat-taxxa permezz ta’ applikazzjoni tal-kompjuter li taħdem bl-intelliġenza artifiċjali.
Kwalunkwe ċittadin onest li jirrispetta l-liġi jfaħħar inizjattiva bħal din peress li ngħixu f’soċjetà ibbażata fuq il-ġustizzja soċjali u s-solidarjetà fejn kulħadd huwa marbut li jagħti sehmu. In-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan il-prinċipju ifisser problemi peress li l-gvern ikollu jżid il-piż fuq dawk li diġà qed iħallsu dak dovut, biex jagħmel tajjeb għal oħrajn li qed jiġu jaqgħu u jqumu. Barra minn hekk, evażjoni kbira tat-taxxa tista’ twassal għall-faqar.
Ġie rappurtat li dan is-software, li diġà qed jintuża fir-Renju Unit, New Zealand, l-Olanda, l-Irlanda u l-Kanada, janalizza d-dikjarazzjonijiet tal-VAT sa tmiem din is-sena u l-forom l-oħra kollha ta’ taxxi għat-tliet snin li ġejjin. Dan l-iskrutinju jinvolvi analiżi tal-ġid u tal-assi bl-iskop li jinstabu każi ta’ ta’ ġid mhux spjegat jiġi. Bla dubju, din l-applikazzjoni se tħaffef operazzjonijiet kumplessi u impenjattivi peress li se tintroduċi livell bla preċedent ta’ awtomazzjoni.
Sa hawn ward u żahar. Madankollu, biex kwalunkwe miżura kontra l-evażjoni tat-taxxa tirnexxi trid tiġi implimentata b’mod ġust. Ħafna minna diġà huma familjari ma’ sitwazzjoni fejn ċerti deċiżjonijiet jidhru li jrawmu perċezzjoni ta’ diskriminazzjoni. Impjegati li għal xi raġuni – xi drabi minħabba żball ġenwin minn min iħaddem – ma jiddikjarawx xi parti mill-qligħ tagħhom ikunu trattati daqs l-ikbar kriminali u mġiegħla jħallsu dak dovut anke f’każijiet ta’ ftit ewro.
Min-naħa l-oħra, hemm individwi li ilhom is-snin jerdgħu lill-Istat b’sens ta’ impunità. Dawn tal-aħħar jew jinvolvu frodi tal-benefiċċji soċjali, tbagħbis tar-rendikonti finanzjarji u rabtiet mal-politiċi. Fil-fatt, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika dan l-aħħar esprima tħassib dwar każi li fihom individwi ħadu benefiċċji soċjali maħsuba biex isostnu lil dawk l-aktar vulnerabbli, minkejja li jgħixu f’postijiet lussużi, kellhom karozzi li jqumu ħafna flus, u possibbilment kienu s-sidien ta’ diversi proprjetàjiet. B’kuntrast, familji li huma verament fil-bżonn, mhux qed jirċievu biżżejjed appoġġ mill-Istat biex ilaħħqu mal-ħajja.
Fuq nota pożittiva, skont il-ministru tal-finanzi fl-2022 kien hemm żieda ta’ 42% fil-ftehimiet dwar ħlas tat-taxxa, li jfisser li aktar nies qed jersqu biex jibdew jagħtu dak li hu dovut, minflok ikomplu jiffrodaw lill-Istat. Fl-aħħar mill-aħħar, kwalunkwe ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa tirnexxi biss jekk tkun ibbażata fuq rieda politika ġenwina fl-ispettru politiku kollu, biex isir dak li hu tajjeb irrispettivament minn jekk hux se jintilfu voti, riżorsi ta’ infurzar adegwati u ġustizzja soċjali. Din hija tabilħaqq biċċa xogħol iebsa, imma jekk xi wieħed minn dawn l-aspetti jkun dgħajjef, hemm ir-riskju li jbatu dawk iċ-ċittadini onesti li jħarsu l-liġi, li normalment ikunu impjegati bi dħul medju.