Il-Community Worker Scheme mhux qed tilħaq l-iskop tagħha – NAO
Skema li suppost kellha l-għan li tiffaċilita d-dħul fis-suq tax-xogħol ta’ persuni li jkunu ilhom żmien twil fuq ir-reġistru tal-qgħad mhux qed tilħaq l-għanijiet tagħha hekk kif inqas minn 10% tal-parteċipanti sabu impjieg tajjeb.
Din it-twissija saret mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) f’analiżi tal-Community Worker Scheme li minnha ħareġ li minn 1,476 parteċipant, 121 biss irnexxielhom jidħlu fis-suq tax-xogħol.
Imnedija fl-2016, din l-iskema titmexxa b’mod konġunt bejn Jobs Plus u l-General Workers Union u qed tiswa miljuni fis-sena. Madankollu, ir-riżultati s’issa kienu fjakki u wasslu għal kritika li din l-iskema hija maħsuba primarjament biex iżżomm il-livelli tal-qgħad baxxi b’mod mill-aktar artifiċjali.
Fl-analiżi tiegħu l-NAO irrimarka li l-iskema għadha ma laħqitx l-għan tagħha li tħejji u tħeġġeġ lill-maġġoranza l-kbira tal-parteċipanti biex ifittxu impjieg f’setturi ekonomiċi ta’ valur miżjud ogħla. F’dan il-kuntest, l-iskema qed issir bħala d-destinazzjoni finali aktar milli pass lejn impjieg bi qligħ u sostenibbli, ir-rapport qal.
Dan il-verdett kien ibbażat fuq diversi kriterji, fejn l-NAO kejjel il-progress irreġistrat wara analiżi preċedenti ppubblikata fl-2019 meta kien ħareġ 11-il rakkomandazzjoni. Sussegwentement, fl-2021 kien iffirmat kuntratt ġdid ta’ din l-iskema, li fih ġew introdotti diversi dispożizzjonijiet biex iddaħħlu wħud minn dawk ir-rakkomandazzjonijiet. Tliet snin wara, erba’ rakkomandazzjonijiet ġew implimentati bis-sħiħ, ħamsa ġew implimentati parzjalment u tnejn ma ġew implimentati xejn.
Fuq nota pożittiva, ġew segwiti rakkomandazzjonijiet għall-inklużjoni ta’ riżultati komprensivi u definizzjonijiet fil-ftehim tal-kuntratt, kif ukoll dwar il-livell u l-frekwenza tat-taħriġ. Madankollu, in-numru minimu ta’ sigħat ta’ taħriġ fis-sena, stabbilit għal 25, kien meqjus mill-NAO bħala baxx biex jintlaħaq l-għan aħħari li jitjiebu l-ħiliet tal-parteċipanti.
Tqajjem ukoll tħassib dwar key performance indicators biex jitkejlu r-riżultati u l-impatti tal-iskema li fl-aħħar mill-aħħar ifissru, l-imġiba u l-iżvilupp tal-ħiliet tal-impjegat. Filwaqt li ġew introdotti mekkaniżmi biex jiġbru flimkien l-indikaturi tal-prestazzjoni, dawn ma kinux marbuta ma’ xi mira jew punt ta’ referenza li magħhom jista’ jiġi evalwat l-eżitu tal-Iskema. Għalhekk, l-NAO esprima ruħu bħala mhux infurmat dwar il-profondità tal-analiżi li saret minn Jobsplus fir-rigward ta’ dawn l-indikaturi operattivi. Valutazzjonijiet bħal dawn jistgħu potenzjalment jipprovdu indikazzjonijiet dwar għaliex ftit parteċipanti qed jieħdu sehem f’impjieg bi qligħ lil hinn mill-Iskema, irrimarka l-NAO.
Fil-konklużjoni tiegħu l-NAO appella għal sforzi biex jiġi żgurat li din l-Iskema tipproduċi r-riżultati mixtieqa, jiġifieri li jsir titjib fil-ħiliet tal-applikanti, aktar milli tispiċċa sempliċiment eżerċizzju ta’ numri li permezz tiegħu l-persuni jitneħħew mil-lista tal-qgħad u jitpoġġew fuq din l-Iskema.