Il-Budget tal-UE li jmiss
Bħalissa għaddejjin negozjati hekk kif l-UE waslet biex tiddeċiedi dwar il-budget li jmiss għall-perijodu 2021-2027. Il-proposti kurrenti jfittxu li jistabbilixxu budget Ewropew li jirrifletti żviluppi mgħaġġlin fl-innovazzjoni, l-ekonomija u l-ambjent.
Il-budget Ewropew, formalment magħruf bħala l-Qafas Finanzjarju Multiannwali, huwa l-mod kif l-UE tiffinanzja l-attivitajiet u l-operat tagħha. Huwa l-istrument prinċipali li permezz tiegħu l-Istati Membri u ċ-ċittadini tagħhom jaċċessaw l-opportunitajiet ta’ fondi Ewropej.
Għall-budget li jmiss, proposti kurrenti se jkunu qed jiffokaw fuq varjetà ta’ oqsma, partikularment dwar il-kwistjoni tal-migrazzjoni u t-tmexxija tal-fruntieri, l-ambjent, kif ukoll l-innovazzjoni kontinwa fis-suq waħdieni diġitali.
In-negozjati kurrenti mhumiex mingħajr l-isfidi tagħhom, hekk kif il-qagħda tar-Renju Unit bħalissa bħala stat membru tagħmilha diffiċli għall-Istati Membri biex jiddeċiedu fuq l-allokazzjoni ta’ riżorsi u kif tali riżorsi jinqasmu fuq l-oqsma differenti ta’ prijorità.
In-negozjati mistennija jikkonkludu fl-2020, u dawn jiddependu l-aktar fuq jekk ir-Renju Unit hux se jkun kapaċi jirtira mill-UE sal-31 ta’ Jannar 2020.