Il-Bliet Kapitali Ewropej tal-Kultura 2018: Leeuwarden u Valletta
Mill-1 ta’ Jannar, Leeuwarden (fl-Olanda) u Valletta (f’Malta) bdew iħaddnu t-titlu ta’ Kapitali Ewropea tal-Kultura għal sena.
Iċ-ċelebrazzjonijiet tal-ftuħ għall-belt Valletta bdew fl-14 ta’ Jannar sal-20 ta’ Jannar madwar il-belt u huma ispirati mill-festa tradizzjonali Maltija (il-festa tar-raħal). Tibor Navracsics, il-Kummissarju għall-Edukazzjoni, il-Kultura, iż-Żgħażagħ u l-Isport, se jattendi ċ-ċerimonja uffiċjali tal-ftuħ fl-20 ta’ Jannar.
Il-Kummissarju Navracsis qal: “Il-Kapitali Ewropej tal-Kultura jgħinu sabiex iressqu l-komunitajiet flimkien permezz tal-kultura b’numru ta’ benefiċċji fit-tul għall-bliet rispettivi, iċ-ċittadini tagħhom u l-ekonomiji tagħhom. L-2018 se tkun sena speċjali hekk kif hi s-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali, u ż-żewġt ibliet kapitali inkludew diversi proġetti sabiex jippromwovu l-wirt kulturali fil-programmi tagħhom – bil-għan li jenfasizzaw ir-rwol tal-kultura fil-bini ta’ identita’ Ewropea. Nawgura lil Leeuwerden u lil Valletta kull suċċess għas-sena li ġejja.”
X’hemm imħejji?
L-iskop tal-programm għall-festa ta’ Valletta hu biex jinkoraġġixxi lill-artisti u lill-udjenzi sabiex jaħsbu mill-ġdid dwar kif jaraw il-kultura llum. Minħabba l-pożizzjoni speċifika ta’ Malta bħala gżira-stat bejn l-Ewropa u l-Afrika ta’ Fuq, il-programm ukoll jaspira li jġib flimkien diversi opinjonijiet minn ħafna pajjiżi fil-Mediterran. Aktar minn 140 proġett u 400 avveniment huma inklużi fil-programm u huma organizzati madwar tliet temi prinċipali: “Stejjer tal-Gżira”, “il-Barokk tal-Ġejjieni” u “Vjaġġi”. Madwar 1,000 artist lokali u internazzjonali, kuraturi, mexxejja ta’ workshops, kittieba, disinjaturi, korijiet u ċinematografi, se jkunu involuti, u ċ-ċelebrazzjonijiet se jissoktaw matul is-sena madwar Malta u Għawdex.
Fi Sfond
Il-Kapitali Ewropea tal-Kultura nbdiet minn Melina Mercouri, dik li kienet il-Ministru għall-Kulktura tal-Greċja fl-1985, u saret waħda mill-aktar inizjattivi kulturali importanti fl-Ewropa. Il-bliet huma magħżula abbażi ta’ programm kulturali li jrid jinkludi dimensjoni Ewropea b’saħħitha, jippromwovi l-parteċipazzjoni u l-involviment tal-abitanti tal-belt u jikkontribwixxi għall-iżvilupp fit-tul tal-belt u r-reġjun fil-madwar.