Iffaċċjati bil-gwerra fl-Ukrajna, iċ-ċittadini Ewropej jingħaqdu fl-appoġġ għall-UE
Il-gwerra tar-Russja kontra l-Ukraina saħħet l-appoġġ pubbliku għall-UE, qed juri l-istħarriġ tal-Ewrobarometru tar-Rebbiegħa tal-PE.
Kważi żewġ terzi (65%) tal-Ewropej iqisu s-sħubija fl-UE bħala ħaġa tajba. Dan huwa l-ogħla riżultat mill-2007, meta l-appoġġ kien ta’ 58%. Is-sħubija fl-UE hija meqjusa bħala “ħaġa tajba” minn maġġoranza relattiva taċ-ċittadini fil-pajjiżi kollha minbarra l-Greċja u s-Slovakkja, fejn aktar jqisuha bħala “la ħaġa tajba u lanqas ħażina”. Meta mqabbla mal-aħħar stħarriġ li sar fi tmiem l-2021, ir-riżultati żdiedu b’mod sinifikanti fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi, b’mod partikolari fil-Litwanja (+20 punti perċentwali), f’Malta (+ 12pp) u l-Estonja (+ 9pp).
52% tal-Ewropej illum għandhom immaġni pożittiva tal-UE, kontra 12% li għalihom hija negattiva. Dan ir-riżultat huwa żieda ta’ 3 punti għall-immaġni pożittiva minn Novembru-Diċembru 2021 u, fl-istess ħin, huwa ugwali għall-aħjar riżultat imkejjel mill-istħarriġ tal-Parlament Ewropew mill-2007 ’l hawn. Ir-riżultati nazzjonali għal immaġni pożittiva tal-UE jvarjaw minn 76% fl-Irlanda għal 32% fil-Greċja, b’Malta, b’58%, turi żieda ta’ 6 punti perċentwali mis-sena l-oħra.
Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, filwaqt li laqgħet ir-riżultati tal-istħarriġ, qalet: “Bil-gwerra mil-ġdid fil-kontinent tagħna, l-Ewropej iħossuhom rashom mistrieħa li huma parti mill-Unjoni Ewropea. Iċ-ċittadini Ewropej huma marbuta sew mal-libertà, huma lesti li jiddefendu l-valuri tagħna, u qed jirrealizzaw dejjem aktar li d-demokrazija ma tistax tibqa’ titqies bħala fatta.”
Avvenimenti reċenti sawru wkoll l-immaġni li għandhom l-Ewropej ta’ atturi ewlenin oħra fix-xena internazzjonali. Ir-Russja hija meqjusa b’mod pożittiv minn biss 10% ta’ dawk li wieġbu, tnaqqis qawwi mit-30% li kellhom immaġni pożittiva tagħha fl-2018 meta din il-mistoqsija saret l-aħħar. Iċ-Ċina għandha t-tieni l-aktar klassifikazzjoni baxxa bi 22% (-14pp). B’kuntrast ma’ dan, l-Ewropej għandhom immaġni aktar pożittiva tar-Renju Unit (65%, + 1pp) segwit mill-Istati Uniti bi 58% (+ 13pp).
Il-biċċa l-kbira taċ-ċittadini jqisu l-gwerra fl-Ukrajna bħala bidla fundamentali: 61% tal-Ewropej mhumiex kunfidenti li ħajjithom se tkompli l-istess. Madwar terz biss ta’ dawk li wieġbu (37%) jemmnu li se tkompli l-istess. Stħarriġ ippubblikat il-ġimgħa l-oħra mill-Kummissjoni Ewropea juri tmienja minn kull għaxra (80%) jaqblu mal-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet ekonomiċi fuq il-gvern Russu kif ukoll fuq il-kumpaniji u l-individwi Russi. Il-maġġoranza taċ-ċittadini fi 22-il Stat Membru hija sodisfatta bir-rispons tal-UE għall-invażjoni Russa tal-Ukrajna.
L-inflazzjoni u l-għoli tal-ħajja kienu diġà qed jogħlew ħafna qabel ma r-Russja invadiet l-Ukrajna. Dawn il-problemi komplew jaggravaw u issa erbgħa minn kull għaxar Ewropej qalu li diġà qed jesperjenzaw impatt fuq il-livell tal-għajxien tagħhom (40%). Bħala sinjal ċar tar-reżiljenza u l-unità Ewropea, 59% tal-Ewropej iqisu d-difiża tal-valuri komuni Ewropej bħal-libertà u d-demokrazija bħala prijorità — anke jekk dawn jispiċċaw biex jaffettwaw il-prezzijiet u l-għoli tal-ħajja. 32% ta’ dawk li wieġbu minn Malta kellhom din il-fehma.
It-tħassib ekonomiku li qed jiżdied huwa rifless ukoll fil-prijoritajiet politiċi li fuqhom iċ-ċittadini jridu li l-Parlament Ewropew jiffoka: il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali tissemma’ l-ewwel (38%), segwita mis-saħħa pubblika (35%), li naqset b’mod sinifikanti b’ 7pp matul l-aħħar sitt xhur, u d-demokrazija u s-saltna tad-dritt (32%), li min-naħa tagħhom kienu soġġetti għal żieda sinifikanti ta’ 7pp. Għall-Maltin, il-prijorità ewlenija hija azzjoni dwar it-tibdil fil-klima, għal 41% ta’ dawk li wieġbu.
Il-perċezzjoni tal-gwerra u xi tfisser għall-Unjoni Ewropea ssir viżibbli wkoll fil-valuri ewlenin taċ-ċittadini li jixtiequ li l-Parlament Ewropew jiddefendi bħala kwistjoni ta’ prijorità: Id-demokrazija reġgħet tinsab fuq nett tal-lista, b’żieda ta’ sitt punti meta mqabbla mal-ħarifa tal-2021 (38%, +6pp). Il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-UE u madwar id-dinja kif ukoll il-libertà tal-kelma u tal-ħsieb it-tnejn isegwu b’27%. Dawk li wieġbu minn Malta jqisu l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem bħala l-prijorità li għandha tiġi difiża.