Id-demokrazija industrijali qed tiġi imminata
Kategoriji partikulari ta’ impjegati tal-gvern qed jiġu mċaħħda mid-dritt li jinnegozjaw kundizzjonijiet aħjar tax-xogħol permezz ta’ ftehim kollettiv mill-unjin tal-għażla tagħhom. Minflok, il-gvern qed jirrikorri għal prattika totalitarja li biha jinnegozja ‘ftehim’ mar-rappreżentanti tal-ħaddiema maħtura minnu stess.
Il-Genetic Counsellors huma fost l-impjegati tal-gvern li bħalissa qed jiffaċċjaw tali problema fuq il-post tax-xogħol tagħhom. Ironikament, dan qed jiġri fi żmien meta dawn il-professjonisti kisbu aktar importanza wara l-emendi riċenti fil-liġi tal-IVF li illegalizzat l-użu ta’ pre-implantation genetic testing.
Il-UHM reċentement talbet rikonoxximent uffiċjali ta’ dawn il-professjonisti, biex tagħti bidu għal taħditiet għal ftehim kollettiv ġdid. Għal xi raġuni, il-gvern irrifjuta t-talba iżda sakemm inkiteb dan l-artiklu ma waslet l-ebda risposta, u lanqas raġuni għal din iċ-ċaħda.
Il-problema li qed jiffaċċjaw il-konsulenti ġenetiċi hija simili għal dik li esperjenzaw is-sena l-oħra mill-psikoterapisti. Dawn tal-aħħar ukoll ġew imċaħħda mill-opportunità li jkollhom rikonoxximent u jibdew jinnegozjaw il-ftehim kollettiv tagħhom.
F’sitwazzjonijiet bħal dawn kien hemm każijiet fejn il-gvern irrikorra għal prattiċi totalitarji. Każ partikolari kien dak tal-impjegati fi ħdan il-klassi tal-ICT fejn il-gvern b’mod stramb għall-aħħar għamel taħditiet ma’ rappreżentanti tal-impjegati maħtura minnu stess!
Bħala parti minn dan il-pjan il-gvern jibda billi joħloq nomenklaturi u gradi ta’ impjieg skont il-bżonn u l-ħsibijiet li jkollu. Minflok jivverifika jekk hemmx xi trade union li tgawdi l-appoġġ tal-maġġoranza tal-ħaddiema, il-gvern jaqbeż minnufih għan-‘negozjati’ mar-rappreżentanti tal-ħaddiema maħtura minnu stess. M’għandniex xi ngħidu li l-fatt li jkun hemm rappreżentanti li l-lealtà tagħhom fl-aħħar mill-aħħar tkun lejn min iħaddimhom u mhux lejn il-kollegi tagħhom ma jawgura xejn tajjeb għad-demokrazija industrijali.
In-nuqqas ta’ union fin-negozjati jfisser li fil-vertà ma jkunu qed isiru l-ebda negozjati. Huwa importanti wkoll li wieħed jinnota li t-tibdil f’ċerti kundizzjonijiet tax-xogħol biss, ma jikkostitwixxix ftehim kollettiv. Il-UHM Voice of the Workers tittama li din il-prattika titwaqqaf immedjatament bl-intervent dirett tas-Segretarju Permanenti Ewlieni li għadu kemm inħatar, Tony Sultana.
Prattika bħal din tmur kontra l-manifest elettorali tal-gvern stess li fih kien wiegħed li jsaħħaħ in-negozjar kollettiv billi jintroduċi sħubija obbligatorja fit-trejdjunjins. Sfortunatament, flok imexxi bl-eżempju, l-akbar employer f’Malta qed jagħmel kompletament bil-maqlub.