Id-9 ta’ Mejju huwa Jum l-Ewropa Programm ta’ attivitajiet f’Malta u Għawdex

Jum l-Ewropa, iċċelebrat kull sena fid-9 ta’ Mejju, ifakkar l-anniversarju mid-Dikjarazzjoni Schuman, viżjoni ta’ paċi u l-għaqda fl-Ewropa ta’ wara l-gwerra. L-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta se jkun qed ifakkar dan il-jum permezz ta’ għadd ta’ attivitajiet għall-pubbliku f’kooperazzjoni ma’ bosta entitajiet lokali oħrajn.
Jum l-Ewropa f’Għawdex – is-Sibt 3 ta’ Mejju
L-ewwel attività se ssir is-Sibt 3 ta’ Mejju mill-10 ta’ filgħodu ’l quddiem fil-ġnien ta’ Villa Rundle, ir-Rabat Għawdex. L-attività, organizzata minn Europe Direct Gozo, tinvolvi numru ta’ entitajiet li joffru informazzjoni u servizzi marbuta mal-UE, fosthom l-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew. Se jkun hemm ukoll preżentazzjonijiet dwar proġetti ffinanzjati mill-UE filwaqt li studenti mill-Iskola tal-Arti ta’ Għawdex se jtellgħu programm ta’ drama, żfin, u mużika.
Din l-attività qed tiġi organizzata flimkien mal-Ministeru għal Għawdex u d-Direttorat tal-Wirt Kulturali, bħala parti mill-attivitajiet tal-Gozo Spring Fair.
Attivitajiet fil-Belt Valletta – il-Ġimgħa 9 ta’ Mejju
Nhar il-Ġimgħa 9 ta’ Mejju, mid-9 ta’ filgħodu ’l quddiem fi Pjazza Ħelsien, il-Belt Valletta, quddiem il-bini tal-Parlament.
L-attività hija organizzata f’kooperazzjoni bejn SEM – Servizzi Ewropej f’Malta, ir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, kif ukoll l-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew, flimkien ma’ entitajiet oħra li joffru servizzi marbuta mal-UE. Fost oħrajn:
• Stands ta’ informazzjoni għall-pubbliku dwar programmi tal-UE, opportunitajiet ta’ fondi, u servizzi għaċ-ċittadini.
• Il-fażi finali tal-kwizz għall-Iskejjel Ambaxxaturi tal-Parlament Ewropew, li jinvolvi studenti minn skejjel sekondarji u post-sekondarji.
• Siltiet mużikali mill-istudenti tal-Iskola tal-Arti ta’ Malta.
L-entitajiet preżenti huma: SEM/FONDI.eu; Europe Direct Valletta/EU Careers/European Citizens’ Initiative; ir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea; l-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew; l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil; European Employment Services (EURES); SOLVIT Malta; iċ-Ċentru tal-Konsumatur Ewropew; Entitlement Unit (Ministeru tas-Saħħa); EUPA (Europass); Euroguidance; Creative Europe; u URBACT/EUI.
Villaġġ Ewropew fl-Università ta’ Malta – il-Ġimgħa 9 ta’ Mejju
Fid-9 ta’ Mejju wkoll, bejn id-9am u t-3pm, fil-Quadrangle tal-Università ta’ Malta se jkun hemm atmosfera ta’ ‘Villaġġ Ewropew’, organizzat minn JEF Malta flimkien mal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew, l-Organizzazzjoni għall-Istudji Ewropej, u l-Istitut għall-Istudji Ewropej, kif ukoll għaqdiet oħra tal-istudenti, dipartimenti tal-Università u entitajiet oħra li joffru servizzi marbuta mal-UE. Dawn se jkollhom stands b’informazzjoni dwar kulturi, tradizzjonijiet u ikel differenti minn madwar l-Ewropa, kif ukoll inizjattivi u proġetti marbuta mal-UE. F’nofsinhar ikun hemm Diskussjoni mal-MEPs fejn il-parteċipanti jkunu jistgħu jiddiskutu l-prijoritajiet indirizzati sa issa mill-elezzjonijiet Ewropej lil hawn.
Dawn l-attivitajiet huma kollha miftuħin għall-pubbliku u għall-media. Iċ-ċelebrazzjoni ta’ Jum l-Ewropa mhix biss mod kif nonoraw l-istorja iżda fuq kollox mod kif nirrikonoxxu l-progress li għamlet l-Ewropa bħala kontinent u r-rieda li naħdmu lejn ġejjieni aħjar f’aktar għaqda. Hija wkoll opportunità għaċ-ċittadini, speċjalment dawk żgħażagħ, biex jipparteċipaw u jsiru jafu aktar dwar il-proġett Ewropew.
