Iċ-ċikliżmu joffri benefiċċji kbar lill-bniedem
Qed ikun osservat aktar persuni fit-toroq li qed jużaw ir-rota bħala mezz ta’ passatemp sportiv jew min saħansitra qed jużaha biex imur għax-xogħol. Id-disinn mill-ġdid ta’ diversi toroq arterjali qed jagħti wisa’ għaċ-ċiklisti u allura spiss naraw xi ċiklisti jaqdfu biex jaslu sad-destinazzjoni tagħhom. Imma l-iskop ta’ dan l-artiklu mhux dwar is-cycling lanes imma fuq il-benefiċċji li dan il-mezz ta’ trasport joffri lill-bniedem – minn dawk kardjovaskolari għall-ħarsien mentali.
Fuq kollox, iċ-ċikliżmu jagħti gost u jista’ jkun attività oħra għall-familja kollha. Imma billi tagħmel iċ-ċikliżmu parti mir-rutina tiegħek u tal-familja, tkun qed taġevola lil saħħtek u saħħet il-maħbubin tiegħek filwaqt li jipprovdi sens ta’ ħarsien li ma ssibux quddiem it-televiżjoni.
Iċ-ċikliżmu hu attivita’ fejn il-qalb, il-pulmun u d-demm fil-ġisem ilkoll jagħmlu eżerċizzju. Maż-żmien, iċ-ċikliżmu jnaqqas il-pressjoni fid-demm u r-rata tal-qalb mistrieħa. Li taqdef bir-rota b’veloċita’ kbira jew fit-tlajja’, hu t-tip ta’ eżerċizzju fiżiku li jħalli l-adrenalina tkompli tbaqbaq f’ħafna persuni. Iċ-ċikliżmu hu rakkomandat minn ħafna tobba u hu forma ideali ta’ eżerċizzju li jtejjeb saħħet il-bniedem b’mod sħiħ.
Studju partikulari wera li nies bi stili tal-ħajja li jkunu fiżikament attivi jkunu iżjed b’saħħithom u jaraw il-ħajja b’lenti aktar pożittiva. Iċ-ċikliżmu jibni l-istamina, is-saħħa fil-muskoli u jipprovdi iżjed enerġija lil dak li jkun biex iwettaq l-affarijiet personali ta’ kuljum. Li titla’ it-taraġ fil-post tax-xogħol ma jibqax kunsidrat bħala sfida biż-żieda fis-saħħa u l-fitness li persuna tibni meta taqdef bir-rota regolarment. Flimkien ma’ dieta bilanċjata, iċ-ċikliżmu jgħin biex tonqos mill-piż u jgħin fil-kwalita’ ta’ ħajja aħjar.
Ilkoll nafu li l-istress idgħajjef lill-bniedem. Imma kont taf li ċ-ċikliżmu jista’ jgħin biex itaffi dan? L-ewwel u qabel kollox, kull forma ta’ eżerċizzju fiżiku hu tajjeb biex inaqqas l-istress. Iċ-ċikliżmu jista’ jbiegħed il-problemi minn moħħok jew jagħtik opportunita’ biex taħseb fihom b’mod kalm. Iċ-ċikliżmu bħala mezz ta’ trasport għax-xogħol jista’ jevita dik il-frustrazzjoni li tasal tard minħabba t-traffiku. L-istudji wkoll juru li nies li jkunu attivi fiżikament jorqdu aħjar.
Raġuni oħra dwar iċ-ċikliżmu u li spiss tingħata l-ġenb, hi li dan l-isport jew mezz ta’ trasport jagħti perspettiva kompletament ġdida dwar l-ambjent ta’ madwarek. Tiskopri toroq ġodda, rotot ġodda, postijiet ġodda biex iżżur u tgawdihom aktar milli bl-użu tal-karozza.
Iċ-ċikliżmu wkoll jiftaħ dimensjoni soċjali ġdida f’ħajtek – kemm jekk tagħżel biex tingħaqad ma’ klabb jew taqdef mal-ħbieb jew mal-familja fi tmiem il-ġimgħa, hu mod eċċellenti biex ittejjeb ir-relazzjonijiet eżistenti u tifforma oħrajn ġodda.