Ħtieġa ta’ mentalità ġdida għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol
Għoxrin sena ilu, meta twaqqfet l-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA), il-perċezzjoni pubblika kienet li din l-entità kienet se tkun qed tittratta perikli assoċjati mal-industrija tal-manifattura, impjiegi manwali, u kostruzzjoni. Filwaqt li kien hemm progress notevoli f’dan ir-rigward bi tnaqqis statistiku sinifikanti fir-rata ta’ korrimenti, is-saħħa fuq il-post tax-xogħol m’għandhiex tkun limitata għal ilbies u miżuri protettivi biex iħarsu lill-impjegati minn ħsara fiżika. Kieku dan kien il-każ l-OHSA ftit jew xejn ikollha rilevanza għall-bqija tal-ħaddiema li dmirijiethom jitwettqu minn uffiċċju, jekk mhux – mill-kumdità ta’ darhom stess.
Xi ngħidu dwar is-saħħa mentali tal-impjegati? Kif qed nittrattaw l-istress relatat max-xogħol f’termini ta’ livelli ta’ produttività u sodisfazzjon tax-xogħol iżda wkoll biex nissalvagwardjaw sitwazzjonijiet li jistgħu jwasslu biex is-sigurtà fuq il-post tax-xogħol tiġi kompromessa? Hija wkoll kwistjoni ta’ bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata hekk kif il-linja bejn il-ħajja privata u x-xogħol qed tiċċajpar.
Skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa xogħol deċenti huwa tajjeb għas-saħħa mentali. Min-naħa l-oħra, ambjenti tax-xogħol ħżiena inklużi d-diskriminazzjoni u l-inugwaljanza, il-piżijiet ta’ xogħol eċċessiv, u n-nuqqas ta’ sigurtà riskju għas-saħħa mentali. Fl-2019 huwa stmat li 15% tal-adulti fl-età tax-xogħol sofrew minn disturb mentali. Globalment, huwa stmat li 12-il biljun jum tax-xogħol jintilfu kull sena minħabba dipressjoni u ansjetà bi spiża ta’ US$ 1 triljun fis-sena fi produttività mitlufa. Hemm azzjonijiet effettivi biex jipprevjenu r-riskji għas-saħħa mentali fuq ix-xogħol, jipproteġu u jippromwovu s-saħħa mentali fuq ix-xogħol, u jappoġġaw lill-ħaddiema b’kundizzjonijiet tas-saħħa mentali.
Ħafna drabi nassumu li l-mard mentali tal-ħaddiema jiżviluppa barra mill-post tax-xogħol. Madankollu, ambjent tax-xogħol ħażin għas-saħħa jew inċident fuq il-post tax-xogħol jista’ jikkawża stress konsiderevoli u jaggrava jew jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ mard mentali. Ir-riċerka tindika li l-istress tax-xogħol u perikli psikosoċjali oħra relatati max-xogħol qed ikunu l-kontributuri ewlenin għall-mard u korriment fuq il-post tax-xogħol. Il-prezz jekk tiġi injorata l-problema hu ferm ogħla milli jittieħdu miżuri għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ strateġiji biex jinħoloq ambjent bla periklu u post tax-xogħol b’saħħtu.
Matul is-snin il-UHM Voice of the Workers ħadmet mill-qrib u appoġġat diversi inizjattivi biex tissaħħaħ is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol f’termini ta’ leġiżlazzjoni u miżuri biex jissaħħaħ l-infurzar. Madankollu, wasal iż-żmien li ssir aktar enfasi fuq is-saħħa mentali tal-impjegati. Ix-xokkijiet mill-pandemija tal-Covid-19 – li rriżultat f’żieda ta’ każi ta’ saħħa mentali minħabba bidliet f’daqqa fil-prattiċi tax-xogħol ġabuna konxji ta’ dan kollu. L-OHSA għandha tieħu inizjattivi dwar is-saħħa mentali okkupazzjonali kemm fil-forma ta’ kampanji edukattivi, riformi leġiżlattivi, jew servizzi ta’ appoġġ. Il-UHM twiegħed l-appoġġ sħiħ tagħha għal kwalunkwe inizjattiva bħal din f’konformità mal-politika tagħna li tiffoka aktar fuq il-prevenzjoni milli l-intervent.