Ħtieġa li l-Parlament jaġġorna maż-żminijiet
It-tifkira tal-irvellijiet tas-Sette Giugno tal-1919 li ssir f’dan ix-xahar timmarka l-bidu tad-demokrazija parlamentari f’Malta. li F’din l-okkażjoni saret drawwa li I-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jitkellem dwar l-istat tal-ogħla istituzzjoni eletta demokratikament f’pajjiżna. Il-parlament tagħna hu bbażat fuq il-mudell ta’ Westminster u jinkorpora proċeduri simili għal dawk li jintużaw fil-House of Commons tant li anke nużaw l-Erskine May li hu meqjus bħala l-‘bibbja’ tal-proċedura parlamentari f’każ li l-Ispeaker jintalab jagħti ruling. Madankollu, ix-xebh jieqaf hawn.
Fis-6 ta’ Ġunju fl-istess jum meta Malta mmarkat l-irvellijiet tal-1919, il-backbenchers tal-gvern fil-House of Commons sejħu għal vot ta’ fiduċja fil-Prim Ministru Boris Johnson. Il-Membri Parlamentari Konservattivi ma kinux kuntenti bl-imġieba tal-mexxej tagħhom fir-rigward tal-hekk imsejjaħ skandlu tal-partygate – it-terminu maħluq biex jiddeskrivi l-festini li saru f’10 Downing Street bi ksur tar-regoli tal-lockdown tal-Covid-19. Wara li nġabar in-numru neċessarju ta’ firem meħtieġa biex jittieħed dan il-vot, l-eżerċizzju sar fl-istess jum u l-kwistjoni ġiet solvuta, għall-inqas għalissa. Filwaqt li mhix l-intenzjoni tagħna li nidħlu fil-merti ta’ din il-kontroversja, dan l-episodju huwa sinifikanti ħafna peress li juri t-tifsira reali li jkun hemm backbench li jżomm il-gvern taħt skrutinju kostanti. Minkejja li ġew eletti bl-akbar maġġoranza f’40 sena taħt it-tmexxija ta’ Johnson, id-deputati Konservattivi ma qagħdux lura milli jieħdu pożizzjoni meta ħassew li l-Prim Ministru ma kienx qed ikun ta’ eżempju.
Min naħa l-oħra, is-sitwazzjoni f’Malta ma setgħetx tkun iktar differenti. L-ewwelnett, wasalna f’sitwazzjoni fejn il-Kabinett tagħna huwa bil-wisq ikbar mill-backbench. Fil-leġiżlatura attwali, in-naħa tal-gvern hija komposta minn 25 ministru u segretarju parlamentari u 19-il backbencher biss. Sitwazzjoni bħal din iddgħajjef ir-rwol tagħhom ta’ għassiesa fuq il-fergħa eżekuttiva tal-partit fil-gvern. It-tieni, uħud minn dawn il-MP tal-backbench jistgħu jsibu ruħhom fit-tmun ta’ entità statali, u b’hekk jagħtu lok għal kunflitt ta’ interess potenzjali. L-esperjenza reċenti tindika wkoll li l-Membri Parlamentari f’Malta jibżgħu jitkellmu. Jidher ukoll li meta jitilfu s-siġġu biss, jibdew jitkellmu b’mod iktar apert u jagħmlu ċertu awto-kritika Sfortunatament, ħlief għal xi eċċezzjonijiet, il-backbenchers dejjem ġew ittrattati bħala estensjoni tal-gvern u l-mument li ma joqogħdux mal-linja tal-gvern jidħlu f’xebgħa nkwiet.
Jekk tassew nemmnu f’demokrazija parlamentari li tiffunzjona dan huwa biss aspett wieħed li rridu nirriflettu fuqu. Bil-kemm titwemmen li l-parlament tagħna għadu kompletement part-time. Dan il-fatt ġie enfasizzat ukoll waqt il-missjoni reċenti ta’ tal-Parlament Ewropew immexxija mill-MPE Sophia in ’t Velt. Kif jistgħu id-deputati parlamentari jiflu fid-dettal mijiet ta’ Abbozzi ta’ Liġi u direttivi tal-UE filwaqt li jiżguraw l-aħjar riżultat possibbli, jekk ma jkollhomx biżżejjed ħin, riżorsi u staff?
Kif qal l-iSpeaker fl-indirizz tiegħu tas-Sette Giugno jeħtieġ ukoll li neliminaw diskorsi twal bla bżonn, nirregolaw il-privileġġ parlamentari u nżidu r-riżorsi b’mod ġenerali. Fl-istess ħin iridu jinżammu standards etiċi f’kull ħin, inkluża l-possibbiltà li Membru Parlamentari jitneħħa jekk jinstab ħati ta’ ksur serju jew imġieba ħażina.
Sfortunatament, matul il-101 sena ta’ eżistenza tagħha, il-Kamra tad-Deputati tagħna kibret iżda biss f’termini ta’ numri aktar milli ta’ kwalità. Wara li l-Membri Parlamentari telgħu għal 79, li xi wħud jistgħu saħansitra jqisu bħala numru għoli iżżejjed meta mqabbel mad-daqs tal-elettorat tagħna, ċerti deċiżjonijiet biex jogħla l-livell f’termini ma jistgħux jibqgħu jitpoġġew taħt it-tapit. L-alternattiva hija li nibqgħu Stat Membru tal-UE b’parlament li għadu ibbażat fuq sistema ta’ era kolonjali.