Ħaddiema fil-qasam tas-saħħa li jaħdmu ma’ Steward Health Care qed jitilfu eluf ta’ ewro fis-sena, minkejja li qed jagħmlu l-istess xogħol bħall-kollegi tagħhom li huma impjegati mal-Ministeru tas-Saħħa.

Jirriżulta li f’ċertu każijiet l-impjegati ta’ Steward qed jaqbdu f’idejhom sa €3,350 inqas minn dawk fi grad simili li huma fuq il-kotba tal-Gvern. Id-differenza hi ferm ikbar meta wieħed jikkunsidra l-impatt sa mill-2016 meta Vitals Gobal Healthcare (illum Steward) daħlu fix-xena. F’dak il-każ, kien hemm ħaddiema ta’ Steward li qalgħu sa €6,800 inqas, minkejja li kienu qed jagħmlu l-istess tip ta’ xogħol bħall-kollegi tagħhom.  

Dawn il-figuri xokkanti ħarġu minn eżerċizzju ta’ verifika li sar mill-UHM Voice of the Workers wara ilmenti minn membri tagħha li qed jitolbu rimedju għal din il-forma ta’ diskriminazzjoni.

Shirley*, li taħdem bħala fiżjoterapista u Monica* li hi mpjegata bħala occupational therapist, it-tnejn fl-Isptar Karin Grech, huma fost dawk li ntlaqtu ħażin.

Sfortunatament, l-imxija COVID-19 kompliet titfa’ l-melħ fil-ferita. Filwaqt li dawn l-hekk imsejħa front liners kienu spalla ma’ spalla mal-kumplament tal-ħaddiema fil-ġlieda kontra l-pandemija, qed ikunu trattati b’mod differenti.  

“Hu verament demoralizzanti l-fatt li tkun taf li qed tagħmel l-istess tip ta’ xogħol jekk mhux iktar meta taf li tkun qed titħallas inqas,” Shirley sostniet.

“Minbarra l-ħlas, il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħna huma inferjuri fi kwistjonijiet bħal allowances għall-grad ta’ studju tagħna, u l-possibbiltà li titrasferixxi l-leave minn sena għal oħra,” Monica qalet.

Il-UHM irċeviet ukoll ilmenti dwar family-friendly measures għax jidher li m’hemm l-ebda linji gwida li joffru opportunità indaqs lil kulħadd.

“Meta dħalt naħdem ma’ Vitals kienu saru ċertu wegħdi mill-maniġment iżda sfortunatament jidher li s-sitwazzjoni marret għall-agħar minn meta Steward ħadu l-konċessjoni mingħandhom fl-2018,” Shirley qalet.

“L-ilmenti tagħna qed jaqgħu fuq widnejn torox u l-attitudni tal-kumpanija hi dik li min ma jogħġbux l-uniku għażla li għandu hi li jitlaq,” Monica żiedet.

Il-kwistjoni hi waħda kumplikata minħabba l-fatt li l-ftehim li jirregola l-konċessjoni li l-Gvern kien ta lill-Vitals biex tmexxi tliet sptarijiet pubbliċi qatt ma kien pubblikat kollu. Għalhekk, hemm diversi aspetti dwar il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema li mhux ċari.

Il-UHM Voice of the Workers ilha diversi xhur tinsisti mal-Ministeru tas-Saħħa biex din il-kwistjoni tkun indirizzata imma jidher li mhux qed tingħata widen.  Din l-attitudni tistona mad-diversi dikjarazzjonijiet tal-Gvern favur il-prinċipju ta’ paga indaqs għall-istess xogħol. Fl-istess ħin tmur kontra l-wegħda tal-istess Gvern li jiġġieled kontra l-prekarjat.

Il-UHM tinsisti li biex jittieħed bis-serjetà il-Gvern irid jagħti l-eżempju u mhux ikun hu stess li jagħmel preċedent perikoluż.

*L-ismijiet ta’ dawn l-impjegati inbidlu biex tkun imħarsa l-identità tagħhom.