Gvern li mhux interessat li jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-carers
Wara aktar minn xahar minn meta bdew l-azzjonijiet industrijali fl-isptarijiet, id-djar tal-anzjani u ċ-ċentri tas-saħħa, il-Gvern għadu ma għamel l-ebda pass biex jipprova jsib soluzzjoni għal din il-kwistjoni fl-interess tal-ħaddiema involuti kif ukoll tal-pazjenti.
Kien fl-1 t’April meta l-General Workers Union u l-UĦM Voice of the Workers ħarġu b’sensiela ta’ direttivi lil carers. Dan il-pass ittieħed minħabba l-preċedent li ħoloq il-Gvern dan l-aħħar ma’ union oħra meta fetaħ ftehim kollettiv biex joffri kundizzjonijiet aħjar minkejja li dan kien għadu ma skadiex. Konsegwenza ta’ dan il-carers ħassew li minkejja li l-ftehim kollettiv tagħhom jiskadi fl-2023, kellhom jingħataw l-istess opportunità u trattament li ngħataw settur ieħor ta’ ħaddiema. Kien għalhekk li dawn iż-żewġ union talbu reviżjoni ta’ allowance partikolari li ilha ma tinbidel aktar minn 10 snin.
Sfortunatament, u din jidher li saret ir-regola, il-Gvern ma wera l-ebda interess li tinstab soluzzjoni minkejja l-appelli li saru. Dan wassal biex fid-19 t’April id-direttivi żdiedu imma sal-lum ma kien hemm l-ebda risposta.
Minflok il-Gvern qed idur fuq il-kumpaniji privati u juża s-servizzi tal-carers tagħhom biex jipprova jagħti l-impressjoni li m’hemm l-ebda kwistjoni għaddeja. Ironikament dan ifisser spiża kbira mill-fondi pubbliċi fi kwistjoni li nqalgħet meta l-Gvern ma riedx iżid il-ħlas tal-carers.
Madankollu sorsi qalu lil Voice of the Workers Weekly li s-sitwazzjoni fid-djar tal-Gvern mhux ward u żahar. “Qed ikun hemm każi fejn carer qed jitma seba’ pazjenti li jieħdu l-ħin tagħhom minħabba l-kundizzjoni ta’ saħħithom, u għalhekk min jinzerta jiekol l-aħħar wieħed ikollu jistenna ħafna,” dawn is-sorsi qalu.
“Barra minn hekk id-deċiżjoni tal-Gvern li jwebbes rasu jfisser li l-protocols tal-COVID-19 biex il-ħaddiema jibqgħu fl-istess bubble mhux qed ikunu rispettati għax qed ikun hemm ħafna ċaqlieq ta’ carers tal-kuntrattur minn post għall-ieħor,” is-sorsi qalu.
Fil-jiem li għaddew smajna ħafna diskors sabiħ f’Jum il-Ħaddiem u tifħir lil dawk li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa. Madankollu, fil-każ tal-carers jidher li dan ma japplikax għax qed ikunu trattati b’mod inferjuri minn ħaddiema oħra waqt li l-Gvern qed jibqa’ jwebbes rasu.
Jidher li l-unika ħaġa importanti hi li b’xi mod ċertu servizzi essenzjali jibqgħu jingħataw irrispettivament mill-kwalità tas-servizz. Donnu din il-kategorija ta’ ħaddiema qed jiġu trattati daqs li kieku kienu disposables. Użahom imma kif tieħu s-servizz tagħhom warrabhom u jekk hemm bżonn ġib oħrajn. L-atteġjament tal-Gvern iqanqal suspetti li minħabba li l-azzjonijiet bdew fl-1 t’April qed jieħu din il-kwistjoni biż-żufjett daqs li kieku l-kundizzjonijiet ta’ dawn il-ħaddiema huma xi ċajta. Tqum ukoll il-mistoqsija jekk hemmx interess li l-affarijiet itawwlu ġaladarba l-Gvern qed juża s-servizzi ta’ kumpaniji privati.