Ix-xogħol tal-għalliem sar aktar diffiċli u sensittiv minn dak li kien isir fil-passat. L-għalliem mhux biss jesegwixxi l-professjoni tiegħu, li fl-aħħar mill-aħħar hi vokazzjoni, b’serjeta’ u dedikazzjoni imma jmur lil hinn. Fiċ-ċirkostanzi u l-problemi soċjali li għandna lllum, l-għalliem jagħmilha wkoll ta’ counsellor jew ta’ ħaddiem soċjali. 

Voice of the Workers tkellem ma’ għalliema li tgħallem fi skola tas-Sekondarja tal-Knisja. Hi fissret l-isfidi li hi u l-kollegi tagħha jħabbtu wiċċhom magħhom ta’ spiss. Hi qalet li r-responsabbilta’ ta’ kull għalliem mhix biss biex iwassal is-suġġett tiegħu lill-istudenti. Illum għalliem irid jipprepara xogħol addattat għal studenti ta’ diversi abbiltajiet. Mistenni li jagħmel lezzjoni interessanti bi pressjoni kontinwa sabiex kemm jista’ jkun jintuzaw mezzi differenti ħalli l-lezzjoni tkun ikkulurita. 

“S’hawnhekk inħoss li hu d-dmir tal-għalliem li jkun ta’ servizz għall-istudent. L-isfida tiġi meta wieħed jippretendi li l-għalliem ilaħħaq ma’ kollox”, sostniet l-għalliema li tkellmet magħna. 

Hi fissret li  t-tneħħija tal-istreaming jagħmilha ferm diffiċli għall-għalliem li jagħti attenzjoni sewwa u xierqa lil kulħadd. Barra minn hekk, skont din l-għalliema, it-teknoloġija wkoll qed tintuża kontra l-għalliema. “Qegħdin innaqqsu r-responsabbilta’ minn fuq dahar l-istudent u nżidu iktar xogħol fuq l-għalliem”, qalet l-għalliema. Meta jingħata xogħol għad-dar, il-fatt li jinkiteb fuq il-board m’hux biżżejjed. Hi żiedet li “qed niffrankaw lill-istudenti milli jkollhom djarju magħhom b’riżultat li qed intellgħu x-xoghol fuq pjattaforma bħal Klikks sabiex b’hekk il-ġenituri jkunu jafu bih ukoll……iżda ftit huma dawk l-istudenti u ġenituri li jsegwu xi jkun għaddej”. 

“Sibt studenti li b’ċajta qaluli li jien ‘pedofela’ u student qalli ‘nirrejpjak’”  

Hi kompliet li eżempju ta’ xogħol ieħor doppju hu li l-attendenza qed tittieħed ukoll fuq Klikks iżda l-għalliema wkoll mistennija li jimlew reġistru. 

L-għalliema rreferiet għall-attitudni tal-istudenti b’mod ġenerali. “Rari niltaqgħu ma’ student li jersqilna u jċedielna aħna u għaddejjin minn xi bieb jew kuritur”. Etiquette bażiku ftit għadu jeżisti. “Id-dagħa, il-kliem baxx u l-arroganza minn ċertu studenti kważi saru aċċettabbli tant kemm sirna nisimgħuhom. Kemm ilni naħdem f’din l-iskola tal-Knisja sibt studenti li b’ċajta qaluli li jien ‘pedofela’ u student qalli ‘nirrejpjak’. “Għall-grazzja t’Alla l-appoġġ mill-management tal-iskola qatt ma naqas”, sostniet din l-għalliema. 

Mitluba tikkummenta dwar is-sigurta’ fl-iskola fejn taħdem, hi qalet li sal-ġurnata tal-lum hi tħossha pjuttost sigura fl-ambjent tax-xogħol tagħha. Sa issa qatt ma taf li hi u l-kollegi tagħha jinsabu f’xi riskju u żiedet li persuni minn barra, biex jidħlu l-iskola, iridu jitolbu permess peress li waqt l-iskola l-bibien ikunu magħluqin. 

Voice of the Workers staqsa dwar l-għoti tal-assessments flok l-eżamijiet ta’ nofs is-sena. Hi qalet li dment li ma ssirx riforma nazzjonali fuq kull grad ta’ edukazzjoni, mill-Primarja sal-edukazzjoni Terzjarja, ma taħsibx li l-eżamijiet ta’ nofs is-sena għandhom jinqatgħu. Fl-opinjoni tagħha, ma jagħmilx sens li l-istudenti jitnaqsilhom l-istress fis-Sekondarja biex imbagħad imorru f’istituzzjoni post-sekondarja jew l-Universita’ u xorta jsibu ċertu livell ta’ stress ta’ eżamijiet. F’dan il-każ, hi tippreferi li l-istudenti jiġu preparati ftit ftit. 

Rigward il-politika nazzjonali dwar il-homework, l-għalliema fissret li hi ma tħobbx tagħti ħafna homework lill-istudenti iżda tħobb tagħti miri waqt il-lezzjoni ta’ x’tixtieq li għandu jintlaħaq. Jekk l-istudenti ma jlaħħqux, imbagħad ilestu x-xogħol għad-dar. “Mal-istudenti li huma ikbar fl-eta’, jiġifieri minn Grade 9 sa 11, inħobb nistaqsihom jgħiduli kemm hu xieraq li nagħtihom homework. B’hekk inkunu qed nilħqu kompromess. 

“Il-kurrikulu li għandna bħalissa ma jħallilna ebda lok biex inkunu iktar flessibbli

Hi tal-opinjoni li l-ħinijiet li ġew stipulati fil-politika nazzjonali dwar il-homework huma raġonevoli mmens. Hi qalet li l-għalliema li jagħtu ħafna homework, wisq probabbli jagħmlu dan biex jippreparaw iktar lill-istudent għall-eżamijiet. Hawnhekk jista’ jerġa’ jiġi diskuss jekk l-eżamijiet humiex jagħmlu iktar ġid għall-istudent jew le. 

Hi temmen li l-istudenti jgergru fuq il-homework għax hu xogħol li hu tedjanti. Il-kurrikulu li għandna bħalissa ma jħallilna ebda lok biex inkunu iktar flessibbli dwar it-tip ta’ xogħol li nagħmlu mal-istudenti. “Mill-banda l-oħra, inutli nżidu l-flessibbilta’ fil-kurrikulu biex imbagħad inħallu l-eżamijiet riġidi tas-SEC”. 

Mitluba tikkummenta jekk il-ħinijiet tat-tagħlim għandhomx jitwalu, l-għalliema li tkellmet magħna qalet li jekk l-istudenti jgergru għax qed jingħataw ħafna homework, aħseb u ara jekk jitwal il-ħin tal-iskola.  

“Bħala għalliema, ma naħsibx li jekk il-ħin ta’ lezzjoni jitwal allura l-istudent se jiggwadanja iktar. Jiena naħseb li iktar mill-kwantita’ ta’ tagħlim, iktar irridu nżidu l-kwalita’. Fil-ġurnata tal-llum, klassijiet ta’ aktar minn 20 student huma klassijiet kbar speċjalment bil-problemi soċjali li qed naraw”. B’riżultat ta’ dan ikun hawn nuqqas ta’ dixxiplina fit-tfal u żieda ta’ attitudni ħażina”.  

Hi qalet li bi klassijiet iżgħar tingħata iżjed attenzjoni lil kull student u għalhekk il-kwalita’ titjieb. “Għandu jerġa jiddaħħal l-istreaming biex it-tagħlim ikun iktar specifiku”, temmet l-għalliema. 

 

 

CALL OUT: “Sibt studenti li b’ċajta qaluli li jien ‘pedofela’ u student qalli ‘nirrejpjak’”  

 

CALL  OUT:  Il-kurrikulu li għandna bħalissa ma jħallilna ebda lok biex inkunu iktar flessibbli