Għaliex id-drittijiet ugwali huma importanti?
In-nies mhumiex ugwali, imma huma ta’ valur ugwali. Għandhom drittijiet ugwali u huma ugwali quddiem il-liġi. Dawn id-drittijiet tal-bniedem huma prinċipju importanti ta’ kull soċjetà demokratika.
Id-drittijiet tal-bniedem jissejħu wkoll drittijiet fundamentali. Dawn id-drittijiet jistipulaw, per eżempju, li kulħadd għandu l-libertà tal-espressjoni, li kulħadd jista’ liberament jipprofessa r-reliġjon jew it-twemmin tiegħu u li kulħadd għandu d-dritt tal-privatezza, id-dritt li nżommu l-informazzjoni personali b’mod privat.
Għaliex dawn id-drittijiet huma importanti? Immaġina li dawn id-drittijiet ma japplikawx għal kulħadd. Li f’pajjiżna, ċertu grupp ta’ nies ma jitħalliex jesprimi lilu nnifsu b’mod ħieles jew li jipprattika r-reliġjon b’mod liberu. Immaġina grupp ta’ persuni, mhux suspettat ta’ xi reat, li xorta waħda jiġi monitorjat mill-gvern.
Dan kollu jagħmel soċjetà li ma tagħtix valur lin-nies. Din tkun soċjetà fejn grupp ta’ persuni jew aktar jiġu mwarrba jew iddiskriminati. Soċjetà li ma tistax tgħix fiha. Trid tgħix f’din is-sitwazzjoni? Għaldaqstant huwa importanti li niddefendu d-drittijiet tal-bniedem. Tabilħaqq kulħadd jista’ jikkontribwixxi.
Barra minn hekk, nitkellmu fuq l-ugwaljanza li mhix biss ġusta fil-prinċipju. Hija neċessarja għall-individwi. Kulħadd għandu d-dritt li jkun trattat b’mod ġust u li jkollu l-opportunità li jwettaq il-potenzjal tiegħu. Sabiex dan jinkiseb, irridu nindirizzaw l-inugwaljanza u neliminaw id-diskriminazzjoni.
L-ugwaljanza hija wkoll neċessarja għall-ekonomija. Ekonomija kompetittiva tagħmel użu mit-talenti u l-abbiltà – mhix limitata bil-preġudizzju.
L-ugwaljanza hija saħansitra iżjed meħtieġa għas-soċjetà għax soċjetà li tkun iżjed ugwali hija iżjed magħquda u komda biha nnifisha.
Kulħadd jista’ jikkontribwixxi biex tinħoloq soċjetà ġusta għax il-ġustizzja hija l-pedament għal drittijiet individwali, ekonomija li tirnexxi u soċjetà li tgħix fil-paċi. Il-ġustizzja u l-ugwaljanza huma l-karatteristiċi ta’ soċjetà moderna u kunfidenti.
Apparti dan kollu u minkejja li ġie reġistrat progress konsiderevoli matul is-snin, l-inugwaljanza u d-diskriminazzjoni għadhom jeżistu u għalhekk hemm bżonn li l-liġi dwar l-ugwaljanza tissaħħaħ.