Ftehim dwar regoli ġodda għal pagi minimi adegwati fl-UE
In-negozjaturi tal-Parlament u tal-Kunsill qablu dwar regoli tal-UE biex jiġu stabbiliti pagi minimi adegwati, kif previst mil-liġi nazzjonali u/jew ftehimiet kollettivi. Il-leġiżlazzjoni l-ġdida se tapplika għall-ħaddiema kollha tal-UE li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg. Il-pajjiżi tal-UE li fihom il-paga minima hi protetta esklussivament permezz ta’ ftehimiet kollettivi mhux se jkunu obbligati li jintroduċuha u lanqas li jagħmlu dawn il-ftehimiet applikabbli b’mod universali.
Pagi adegwati
Skont il-ftehim, l-istati membri se jkollhom jivvalutaw jekk il-pagi minimi statutorji eżistenti tagħhom (jiġifieri l-inqas paga permessa mil-liġi) humiex adegwati biex jiżguraw standard ta’ għajxien deċenti, b’kont meħud tal-kundizzjonijiet soċjo-ekonomiċi tagħhom stess, is-setgħa tal-akkwist jew il-livelli u żviluppi tal-produttività nazzjonali fit-tul.
Għall-valutazzjoni tal-adegwatezza, il-pajjiżi tal-UE jistgħu jistabbilixxu basket ta’ oġġetti u servizzi bi prezzijiet reali. L-Istati Membri jistgħu wkoll japplikaw valuri ta’ referenza indikattivi użati b’mod internazzjonali, bħal 60% tal-gross median wage u 50% tal-gross average wage.
Tnaqqis minn jew varjazzjonijiet fil-paga minima se jkollhom ikunu non-diskriminatorji, proporzjonati u jkollhom għan leġittimu, bħall-irkupru ta’ ammonti mħallsa eżaġerati jew tnaqqis ordnat minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva.
Negozjar kollettiv
In-negozjaturi tal-UE qablu li l-pajjiżi tal-UE se jkollhom isaħħu n-negozjar kollettiv bħala fattur essenzjali għall-protezzjoni tal-ħaddiema billi jipprovdulhom paga minima. L-Istati Membri li fihom inqas minn 80% tal-forza tax-xogħol hija protetta minn ftehim kollettiv se jkollhom joħolqu pjan ta’ azzjoni biex tiżdied progressivament din il-kopertura. Biex ifasslu l-aħjar strateġija għal dan il-għan, għandhom jinvolvu l-imsieħba soċjali u jinfurmaw lill-Kummissjoni bil-miżuri adottati u jagħmlu l-pjan pubbliku.
Monitoraġġ u dritt għal rimedju
It-test miftiehem jintroduċi l-obbligu għall-pajjiżi tal-UE li jistabbilixxu sistema ta’ infurzar, inkluż monitoraġġ affidabbli, kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, biex tiġi żgurata l-konformità u jiġu indirizzati s-subcontracting abbużiv, abbużi b’kuntratti ta’ self-employed, sahra mhux irreġistrata jew żieda fl-intensità tax-xogħol. L-awtoritajiet nazzjonali se jkollhom jiżguraw id-dritt għal rimedju għall-ħaddiema li d-drittijiet tagħhom ikunu nkisru. L-awtoritajiet għandhom jieħdu wkoll il-miżuri meħtieġa biex jipproteġu lill-ħaddiema u lir-rappreżentanti tat-trejdjunjins.
Il-passi li jmiss
Il-ftehim politiku proviżorju milħuq mit-tim tan-negozjar tal-PE issa jrid jiġi approvat l-ewwel mill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, segwit minn votazzjoni plenarja. Il-Kunsill għandu wkoll japprova l-ftehim.
Fl-UE, 21 minn 27 pajjiż għandhom paga minima statutorja, filwaqt li fis-sitta l-oħra (l-Awstrija, Ċipru, id-Danimarka, il-Finlandja, l-Italja u l-Isvezja) il-livelli tal-pagi huma determinati permezz ta’ negozjar kollettiv. Il-pagi minimi ta’ kull xahar ivarjaw ħafna madwar l-UE, minn €332 fil-Bulgarija għal €2,202 fil-Lussemburgu (statistika tal-2021 mill-Eurostat).