(Ritratt: WSC)

Terz tal-ilma tax-xorb ta’ Malta qed jiġi prodott fl-impjant tar-Reverse Osmosis ta’ Pembroke, bit-tliet impjanti l-oħra jirrappreżentaw jipproduċu terz ieħor, u l-bqija jiġi minn sorsi taħt l-art.

Ċifri ppubblikati fir-rapport annwali tal-Water Service Corporation tal-2024 juru li matul il-perjodu taħt reviżjoni l-produzzjoni tal-ilma mill-impjanti RO laħqet l-ogħla livell f’Awwissu b’79,316 metru kubu kuljum, li huwa bejn wieħed u ieħor id-daqs ta’ 32 pixxina Olimpika.

B’kollox, il-produzzjoni tal-ilma minn dawn l-impjanti fl-2024 żdiedet bi 8.5% fuq is-sena ta’ qabel, b’nofs il-produzzjoni totali – li kienet ta’ 25.7 miljun metru kubu jew 10,200 pixxina ta’ daqs Olimpiku – ġejja mill-impjant ta’ Pembroke.

Il-konsum annwali tal-enerġija  biex jitħaddmu dawn l-impjanti kien ta’ 4.68 kWh għal kull metru kubu, jew 1.4% aktar minn dak tal-2023. Din iż-żieda hija l-effett tal-fatt li l-membrane minn fejn ikun imsoffi l-ilma maż-żmien titħammeġ sal-punt fejn imbagħad ikun jeħtieġ li tinbidel. Fil-fatt, fl-2024 total ta’ 4 linji ta’ produzzjoni, speċifikament wieħed f’Pembroke, tnejn f’Lapsi u wieħed fiċ-Ċirkewwa, kellhom il-membrane mibdula. Il-pjan huwa li l-prestazzjoni ta’ dan l-impjanti tkompli titjieb  fl-2025, bl-installazzjoni ta’ aktar membranes ġodda, partikolarment f’Pembroke.

Iż-żieda fil-popolazzjoni rriżultat f’domanda akbar għall-ilma tajjeb għax-xorb u għalhekk l-impjanti kellhom iżidu l-produzzjoni minn 22.7 miljun metru kubu fl-2022, għal 23.7 miljun fl-2023 u 25.7 miljun is-sena li għaddiet.

Fl-2024, l-impjant ta’ Pembroke pproduċa 51% tal-produzzjoni kollha ta’ RO (13-il miljun metru kubu), segwit minn Għar Lapsi (30% jew 7.7 miljun), Ċirkewwa (11% jew 3 miljun) u l-impjant ta’ Ħondoq f’Għawdex (8% jew 2 miljun). Kif mistenni, l-ogħla domanda hija fis-sajf, filwaqt li l-aktar baxxa hija f’Jannar u Frar.

Fir-rapport annwali il-WSC tindika li sal-2030 se tkun qed taġġorna l-livelli ta’ ġenerazzjoni fl-impjanti kollha u tikkummissjona wieħed ġdid, biex tilqa’ għaż-żieda fid-domanda. L-ammont totali ta’ ilma tajjeb għax-xorb prodott mill-WSC gl-2024 kien ta’ 38.8 miljun metru kubu. Il-produzzjoni tal-ilma tajjeb għax-xorb tkun taħlita ta’ ilma mill-impjanti ta’ RO u siti ta’ produzzjoni ta’ ilma minn taħt l-art.

Fl-2024, 13.1 miljun metru kubu, madwar 34% tal-produzzjoni tal-ilma tajjeb għax-xorb, ġew mill-ilma tal-pjan. L-istrateġija tal-WSC biex tillimita l-użu tal-ilma tal-pjan tinkludi mir-riattivazzjoni ta’ sorsi tal-ilma li kienu ġew abbandunati, l-aktar minħabba limitazzjonijiet fin-netwerk tal-ġbir. B’netwerk imtejjeb biex jittrasferixxi l-ilma minn sorsi ta’ produzzjoni għal ġibjuni, il-WSC qed tirriattiva s-sorsi filwaqt li tnaqqas il-ġbid minn sorsi utilizzati qabel. Dan jirriżulta f’distribuzzjoni aħjar tal-ilma tal-pjan, u b’hekk tittaffa l-pressjoni fuq zoni partikolari.