Finanzjar mill-Unjoni Ewropea għall-iżvilupp tax-xjenza u t-teknoloġija
3
Il-Koperazzjoni Ewropea fix-Xjenza u t-Teknoloġija (magħrufa aħjar bħala COST) hi l-aktar qafas Ewropew li qatt dam għaddej biex jappoġġja l-koperazzjoni fost ir-riċerkaturi, l-inġiniera u l-istudjużi madwar l-Ewropa.
Il-COST tiffinanzja networks Ewropej ta’ xjenzati u riċerkaturi madwar l-oqsma kollha fix-xjenza u t-teknoloġija. Dawn is-sistemi, magħrufa bħala Azzjonijiet COST, jippromwovu l-kordinazzjoni internazzjonali ta’ riċerka finanzjata nazzjonalment.
Kull Azzjoni COST għandha objettiv, miri definiti u provvedimenti ċari. Dawn huma deskritti f’Memorandum of Understanding, aċċettata minn tal-inqas seba’ stati membri li qed jipparteċipaw f’COST.
Azzjonijiet COST huma attivi permezz ta’ firxa ta’ għodda tan-networking, bħalma huma laqgħat, workshops, konferenzi, skejjel tat-taħriġ, missjonijiet xjentifiċi għal perijodu qasir u attivitajiet informattivi. Dawn l-azzjonijiet huma miftuħin għal riċerkaturi minn universitajiet, istituzzjonijiet ta’ riċerka pubbliċi u privati, kif ukoll organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs), l-industrija u l-intrapriżi żgħar u medji (SMEs).
Il-budget medju ta’ Azzjoni COST jiddependi fuq id-diversi stati membri fil-COST li qed jipparteċipaw fl-Azzjoni. Il-finanzjar hu provdut permezz ta’ ftehim għal għotja fis-sena.
Il-COST tistieden lir-riċerkaturi madwar l-Ewropa sabiex jissottomettu proposti għal Azzjonijiet COST permezz ta’ sejħa miftuħa li hi kontinwa.
Għal aktar informazzjoni dwar opportunitajiet ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea, ċemplu lil MEUSAC fuq 22003300 jew ibgħat email fuq funding.meusac@gov.mt.