Fi żmien għaxar snin xogħolijiet bi kwalifiki baxxi se jispiċċaw– Rapport tas-CEDEFOP

Is-suq tax-xogħol f’Malta għaddej minn bidla drastika: dawk bi kwalifiki baxxi kważi se jispiċċaw u dan jenfasizza messaġġ ċar—l-ekonomija ta’ Malta fil-futur se tkun iktar ibbażata fuq il-ħiliet. Dan ħareġ minn rapport bl-isem Cedefop Skills Forecast 2025 li jiffoka fuq Malta, fejn ħareġ li fil-15-il sena li ġejjin is-suq tax-xogħol se jkun qed jikber aktar minn dak tal-UE, filwaqt li se tinbidel kemm il-kompożizzjoni kif ukoll it-tip ta’ opportunitajiet li se jinħolqu.
Jirriżulta li bejn l-2015 u l-2019, l-impjiegi f’Malta żdiedu bi kważi 3% fis-sena—erba’ darbiet il-medja tal-UE—anki fi żmien il-Covid-19 ix-xogħol kompla jinħoloq. It-tbassir jindika li bejn l-2020 u l-2035, il-postijiet tax-xogħol se jiżdiedu bejn 1.8–2.1% fis-sena filwaqt li fl-UE fl-istess żmien it-tbassir hu ta’ tkabbir bejn 0.3–0.4% fis-sena.
Il-popolazzjoni ta’ Malta mistennija tikber b’27% sal-2035—ftit inqas mill-34% taż-żieda reġistrata bejn l-2005 u l-2020—filwaqt li s-suq tax-xogħol se jiżdied b’40% fuq l-istess perjodu, Fl-istess żmien fl-UE is-suq tax-xogħol mistenni jiżdied b’10%. Din iż-żieda ġejja primarjament minn żieda fil-parteċipazzjoni: ir-rata ġenerali se togħla b’6 punti perċentwali, filwaqt li fl-UE ir-rata tal-parteċipazzjoni se tiżdied b’4%. Ir-rapport jenfasizza li se jkun hemm żidiet qawwija fl-etajiet 20–24 sena u 60–64 sena — f’liema kategoriji il-parteċipazzjoni se tiżdied bejn 10–11 il-punt perċentwali.
Il-parteċipazzjoni tan-nisa mistennija tiżdied b’9 punti—tliet darbiet iż-żieda għall-irġiel (3 punti)—u b’hekk tonqos id-differenza bejn is-sessi fid-dinja tax-xogħol. Fil-prattika, eluf tan-nisa fl-etajiet 20–24 sa 60–64 se jkunu qed jidħlu jew jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol.
Il-postijiet tax-xogħol li se jinħolqu se jkunu ffukati f’numru żgħir ta’ setturi. Is-servizzi mhux kummerċjali—saħħa pubblika, kura tal-anzjani u edukazzjoni—se jkollhom l-ikbar tkabbir bi ftit aktar minn 3% fis-sena, b’riżultat ta’ soċjetà li qed tixjieħ. Id-distribuzzjoni u t-trasport se jkollhom tkabbir ta’ 2.2% fis-sena, hekk kif il-bejgħ bl-imnut, il-warehousing, is-servizzi postali u t-trasport bl-ajru se jespandu.
L-iktar postijiet tax-xogħol se jkunu qed jinħolqu fis-servizzi u fil-ħwienet (22% tal-impjiegi ġodda kollha) u professjonisti (19%).
Fis-settur tal-manifattura, snajja’ relatati, operaturi ta’ makkinarju, u oħrajn li jeħtieġu biss ħiliet bażiċi, il-postijiet tax-xogħol li se jinħolqu se jkunu kaġun tal-fatt li jkun jeħtieġ li jimtlew il-postijiet ta’ ħaddiema li jirtiraw bl-età.
Din it-trasformazzjoni fil-ħiliet se jkollha impatt ukoll id-demografija ta’ Malta. Tkabbir bil-mod fl-impjiegi b’ħiliet baxxi jista’ tnaqqas id-dipendenza fuq ħaddiema barranin u b’hekk ittaffi l-problema tal-popolazzjoni li qed tikber. Madankollu, xorta waħda se tibqa’ l-ħtieġa ta’ ħaddiema barranin speċjalment dawk li għandhom ħiliet medji u għolja. Għalhekk l-isfida se tkun li jinstab bilanċ bejn politika ta’ immigrazzjoni u t-taħriġ lill-ħaddiema Maltin biex il-pajjiż ikollu ekonomija bbażata fuq il-ħiliet u l-għarfien.
