Fejn se mmorru minn issa ’l quddiem?
Kummenti li saru dan l-aħħar mill-Ministru tat-Toroq Aaron Farrugia li tefa’ l-ħtija tal- il-konġestjoni tat-traffiku fix-xhur sħan tas-sajf fuq il-festi tar-raħal qanqlu kontroversja speċjalment fuq mezzi soċjali. Għalkemm xi wħud jistgħu jieħdu dan kollu biċ-ċajt, fir-realtà dan hu riżultat ta’ frustrazzjoni dejjem tikber, ippjanar ħażin u fl-aħħar mill-aħħar theddida serja għall-kwalità tal-ħajja tagħna.
Is-sitwazzjoni tat-traffiku laħqet proporzjon allarmanti u l-indikazzjonijiet huma li se tkompli tiggrava. Wasalna fi stadju li fih anke f’nofs Awwissu – meta l-ħajja suppost tikkalma, il-biċċa l-kbira tan-nies ikunu qed jieħu xi ftit tal-mistrieħ u ma jidħlux għax-xogħol waqt li l-iskejjel ikunu magħluqa – it-traffiku ma qed jaqta’ xejn.
Ir-raġunijiet huma diversi u ċar għal kulħadd. L-ewwel nett, dan huwa r-riżultat ta’ għaxar snin ta’ politika ekonomika bbażata fuq it-tkabbir tal-popolazzjoni. Mill-2013 ’l hawn, il-popolazzjoni ta’ Malta żdiedet b’100,000 u b’hekk l-infrastruttura kollha tal-pajjiż tinsab taħt pressjoni qawwija. Dan irriżulta f’aktar karozzi fit-toroq, li skont l-aħħar ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika qed jiżdied b’madwar 50 kuljum
Is-sitwazzjoni qed tkompli tmur lura minħabba xogħlijiet fit-toroq li qed isiru fi żmien ħażin, ippjanar nofs kedda u wisq xogħlijiet fl-istess ħin. Ħafna drabi x-xogħlijiet qed jieħdu żmien twil biex jitlestew f’toroq residenzjali żgħar. Barra minn hekk, qed isiru żbalji bażiċi fl-ippjanar. Jidher li saret ir-regola li s-sinjali temporanji li jsiru fit-toroq biex javżaw lis-sewwieqa dwar devjazzjonijiet tat-traffiku qed jibqgħu f’posthom ġimgħat wara li jkun tlesta proġett. Dan qed jirriżulta f’kedda bla bżonn għas-sewwieqa li wara li jieħdu dawra twila jiskopru li t-triq kienet miftuħa. Konsegwentement, xi wħud qed jibdew jinjoraw is-sinjali tad-devjazzjoni tat-toroq għax ikunu ingidmu. Dan qed ikompli joħloq konfużjoni.
It-traffiku qed ikun ikkawżat ukoll minn proġetti kbar li qed idumu s-snin bħas-central link u l-junction tal-ajruport. Bħallikieku dan ma kienx biżżejjed xi ħadd ħareġ bl-idea brillanti li tinqala’ l-junction ta’ Triq l-Imdina li twassal għas-Siġġiewi.
Filwaqt li wieħed irid jirrikonoxxi li l-festi tar-raħal jikkawżaw xi ftit tat-traffiku, dan huwa biss fi tmiem il-ġimgħa u fis-sajf. Barra minn hekk, ħafna mill-problemi qed jiġu rappurtati f’toroq arterjali li ftit li xejn ikunu milquta mit-traffiku residenzjali tal-ibliet u l-irħula. Xi ngħidu għall-bqija tas-sena? Ta’ min ikun it-tort fix-xhur l-oħra?
Iż-żieda qawwija fit-traffiku qed tneħħi wkoll kull ċans realistiku li jintużaw mezzi alternattivi bħall-muturi u r-roti. In-numru ta’ inċidenti li jinvolvu roti jew muturi żdied b’mod drammatiku. Wasalna fi stadju fejn l-għażla hija li tuża t-trasport tiegħek stess u tirriskja li tkun tard jew inkella tirriskja ħajtek billi ssuq rota jew mutur, sakemm ma jkunx hemm korsija dedikata.
Il-kaos u l-livell ta’ inkompetenza attwali fit-traffiku mhux biss ir-riżultat tal-amministrazzjoni preżenti. Huwa sintomu ta’ snin ta’ traskuraġni, deċiżjonijiet mgħaġġla u xi drabi populisti biex jakkomodaw ftit għad-detriment ta’ ħafna. Pajjiżna jixraqlu aħjar. Il-kwalità tal-ħajja tagħna tinsab taħt theddida serja.