Euro 7: Ftehim dwar regoli ġodda tal-UE biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-vetturi
Il-Parlament u l-Kunsill laħqu ftehim proviżorju dwar regoli ġodda biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-karozzi tal-passiġġieri, vannijiet, karozzi tal-linja, trakkijiet u trejlers. Ir-regolament għall-approvazzjoni tat-tip u s-sorveljanza tas-suq tal-vetturi bil-mutur (Euro 7) għandu l-għan li jappoġġa t-tranżizzjoni lejn mobilità nadifa u jżomm il-prezzijiet tal-vetturi privati u kummerċjali affordabbli għaċ-ċittadini u n-negozji. Il-vetturi se jkollhom bżonn jikkonformaw mal-istandards il-ġodda għal aktar żmien, u jiżguraw li jibqgħu aktar nodfa tul ħajjithom kollha.
Limiti aġġornati għall-emissjonijiet
Għall-karozzi tal-passiġġieri u l-vannijiet, in-negozjaturi qablu li jżommu l-kundizzjonijiet attwali tat-test Euro 6 u l-limiti tal-emissjonijiet. Fuq talba tal-Parlament, in-numru ta’ partiċelli se jitkejjel fil-livell ta’ PN10 (minflok PN23, biex b’hekk jiġu inklużi partiċelli iżgħar).
Għall-karozzi tal-linja u trakkijiet, it-test miftiehem jinkludi limiti aktar stretti għall-emissjonijiet imkejla fil-laboratorji (eż. limitu NOx ta’ 200 mg/kWh) u f’kundizzjonijiet reali tas-sewqan (limitu NOx ta’ 260 mg/kWh), filwaqt li jinżammu l-kundizzjonijiet attwali tal-ittestjar Euro VI.
Inqas emissjonijiet minn tyers u brejkijiet, żieda fid-durabilità tal-batterija
Il-ftehim jistabbilixxi limiti ta’ emissjonijiet ta’ partiċelli tal-brejk (PM10) għal karozzi u vannijiet (3mg/km għal vetturi elettriċi; 7mg/km għall-biċċa l-kbira tal-magni tal-kombustjoni interna (ICE), vetturi elettriċi ibridi u taċ-ċelloli tal-fjuwil u 11mg/km għal vannijiet kbar tal-ICE). Il-ftehim fih ukoll rekwiżiti minimi ta’ prestazzjoni għad-durabilità tal-batterija f’karozzi elettriċi u ibridi (80% mill-bidu tal-ħajja sa ħames snin jew 100,000 km u 72% sa tmien snin jew 160,000 km) u vannijiet (75% mill-bidu tal-ħajja sa ħames snin jew 100,000 km u 67% sa tmien snin jew 160,000 km).
Informazzjoni aħjar lill-konsumaturi
It-test jipprevedi Passaport tal-Vettura Ambjentali, li għandu jkun disponibbli għal kull vettura u li jkun fih informazzjoni dwar il-prestazzjoni ambjentali tagħha fil-mument tar-reġistrazzjoni (bħal limiti ta’ emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu, emissjonijiet ta’ CO2, konsum ta’ fjuwil u enerġija elettrika, firxa elettrika, durabilità tal-batterija). Is-sidien tal-vetturi se jkollhom ukoll aċċess għal informazzjoni aġġornata dwar il-konsum tal-fjuwil, is-saħħa tal-batteriji, l-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu u informazzjoni rilevanti oħra ġġenerata minn sistemi u monitors abbord. Barra minn hekk, il-manifatturi tal-karozzi se jkollhom jiddisinjaw il-vetturi tagħhom sabiex jipprevjenu t-tbagħbis tas-sistemi ta’ kontroll tal-emissjonijiet permezz tad-diġitalizzazzjoni tal-monitoraġġ tal-karozzi.
Il-passi li jmiss
Il-Parlament u l-Kunsill jeħtieġ li japprovaw formalment il-ftehim qabel ma jkun jista’ jidħol fis-seħħ. Ir-regolament se japplika 30 xahar wara d-dħul fis-seħħ tiegħu għall-karozzi u l-vannijiet, u 48 xahar għall-karozzi tal-linja, trakkijiet u trejlers (għall-vetturi mibnija minn manifatturi ta’ volum żgħir, se japplika mill-1 ta’ Lulju 2030 għall-karozzi u l-vannijiet, u mill-1 ta’ Lulju 2031 għall-karozzi tal-linja u trakkijiet).