Elezzjonijiet Ewropej: L-istituzzjonijiet tal-UE lesti biex jiġġieldu d-diżinformazzjoni
L-istituzzjonijiet tal-UE qed jiddefendu l-elezzjonijiet Ewropej tas-6-9 ta’ Ġunju kontra d-diżinformazzjoni u l-manipulazzjoni tal-informazzjoni mmirati kontra d-demokrazija Ewropea.
L-elezzjonijiet Ewropej huma xempju tad-demokrazija Ewropea. Kif iddokumentat pereżempju mill-Osservatorju Ewropew tal-Media Diġitali, l-atturi tad-diżinformazzjoni minn ġewwa u minn barra l-UE jfittxu li jimminaw l-integrità tal-proċess elettorali, il-fiduċja fil-proċessi demokratiċi b’mod ġenerali u jiżirgħu d-diviżjoni u l-polarizzazzjoni fis-soċjetajiet tagħna. Skont l-Ewrobarometru, 81 % taċ-ċittadini tal-UE jaqblu li aħbarijiet jew informazzjoni li jirrappreżentaw ħażin ir-realtà jew li huma foloz huma problema għad-demokrazija.
Tentattivi biex iċ-ċittadini jiġu mqarrqa
L-istituzzjonijiet, l-awtoritajiet, l-atturi tas-soċjetà ċivili u l-verifikaturi tal-fatti bħall-Osservatorju Ewropew tal-Media Diġitali, in-Network Ewropew tal-Istandards tal-Verifika tal-Fatti u EUvsDisinfo identifikaw u esponew bosta tentattivi biex il-votanti jiġu mqarrqa b’informazzjoni manipulata f’dawn l-aħħar xhur.
L-atturi tad-diżinformazzjoni taw informazzjoni falza dwar kif wieħed għandu jivvota, skoraġġew liċ-ċittadini milli jivvutaw, jew fittxew li jiżirgħu d-diviżjoni u l-polarizzazzjoni qabel il-votazzjoni billi ikkapparraw suġġetti ta’ profil għoli jew kontroversjali. Xi drabi dawn it-tentattivi ta’ qerq jikkonsistu b’tixrid ta’ gideb fl-ispazju tal-informazzjoni, bil-għan li jiġi ikkapparrat id-dibattitu pubbliku. Ħafna drabi l-politiċi u l-mexxejja ewlenin ikunu fil-mira ta’ kampanji ta’ manipulazzjoni tal-informazzjoni. Bosta politiki Ewropej spiss ikunu fil-mira tad-diżinformazzjoni: l-appoġġ lill-Ukrajna, il-Patt Ekoloġiku Ewropew, u l-kwistjoni tal-migrazzjoni.
L-atturi tad-diżinformazzjoni użaw ukoll networks ta’ kontijiet foloz kif ukoll mezzi tal-media foloz biex jimmanipulaw l-ambjent tal-informazzjoni. Ir-rivelazzjonijiet reċenti mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u l-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri tal-UE jinkludu l-operazzjonijiet False Facade, Portal Kombat u Doppelgänger.
Reċentement rapport investigattiv imsejjaħ “Operation Overload” mill-kumpanija Finlandiża tas-software Check First iddokumenta kif kontijiet suspettużi kkuntattjaw aktar minn 800 verifikatur tal-fatti u midja f’aktar minn 75 pajjiż – biex jgħabbu lil dawn l-organizzazzjonijiet b’informazzjoni falza, jeżawrixxu r-riżorsi tagħhom u biex jippruvaw jikkonvinċuhom ixerrdu din l-informazzjoni falza permezz tal-konfutazzjoni ta’ artikli.
L-istituzzjonijiet tal-UE jżidu l-isforzi tagħhom biex l-UE tiġi protetta mill-manipulazzjoni tal-informazzjoni
Filwaqt li hemm theddid, hemm ukoll ir-reazzjonijiet kollettivi tal-UE. Abbażi ta’ mandat ċar mit-tmexxija politika, l-istituzzjonijiet tal-UE ilhom snin jindirizzaw l-isfida li tirriżulta mill-manipulazzjoni tal-informazzjoni u interferenza minn barranin, inkluża d-diżinformazzjoni.
Dawn l-isforzi jsiru f’kollaborazzjoni u koordinazzjoni mill-qrib bejn l-istituzzjonijiet u bl-involviment ta’ firxa wiesgħa ta’ entitajiet ikkonċernati oħra, bħall-Istati Membri tal-UE, il-media u l-verifikaturi tal-fatti u s-soċjetà ċivili, sabiex jiġi kondiviż l-għarfien, jiġu skambjati l-esperjenzi u l-aħjar prattiki u jiġu kkoordinati r-reazzjonijiet.
Peress li tinsab fuq quddiem nett fid-dinja fl-indirizzar tat-theddid relatat mal-manipulazzjoni u l-interferenza tal-informazzjoni barranija, l-UE qed taħdem f’kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab tagħha tal-istess fehma barra mill-UE permezz ta’ fora bħall-Mekkaniżmu ta’ Rispons Rapidu tal-G7, fost l-oħrajn. Biex iżżid ir-reżiljenza għat-tentattivi ta’ interferenza esterna, l-UE żviluppat sett ta’ għodod iddedikati biex tiġġieled il-manipulazzjoni u l-interferenza tal-informazzjoni barranija. Dawn l-isforzi kollha dejjem isiru b’rispett sħiħ tal-valuri fundamentali Ewropej, bħal-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-opinjoni.
Ir-rispons komprensiv tagħna għad-diżinformazzjoni huwa ċċentrat fuq l-elementi kostitwenti li ġejjin:
- l-iżvilupp ta’ politiki biex jissaħħu d-demokraziji tagħna, li jagħmluha aktar diffiċli għall-atturi tad-diżinformazzjoni biex jużaw ħażin il-pjattaformi online, u jipproteġu l-ġurnalisti u l-pluraliżmu tal-media;
- is-sensibilizzazzjoni dwar id-diżinformazzjoni u t-tħejjija u r-rispons tagħna;
- il-bini tar-reżiljenza tas-soċjetà kontra d-diżinformazzjoni permezz tal-litteriżmu medjatiku u l-verifika tal-fatti;
- il-kooperazzjoni ma’ istituzzjonijiet oħra, awtoritajiet nazzjonali jew partijiet terzi.
L-istituzzjonijiet tal-UE ilhom jippromwovu diversi attivitajiet, inklużi kampanji ta’ sensibilizzazzjoni u inizjattivi ta’ litteriżmu fil-media, biex iżidu r-reżiljenza tas-soċjetà kontra d-diżinformazzjoni u l-manipulazzjoni tal-informazzjoni. Eżempji jinkludu:
- is-sit web uffiċjali tal-elezzjonijiet Ewropej b’taqsima dwar “Elezzjonijiet ħielsa u ġusti”;
- sensiela ta’ filmati mill-Parlament Ewropew (f’24 lingwa uffiċjali tal-UE) li jinfurmaw lill-pubbliku dwar it-tekniki użati mill-atturi tad-diżinformazzjoni biex iqarrqu bin-nies;
- fuljett mill-Parlament Ewropew b’10 suġġerimenti dwar kif għandha tiġi indirizzata d-diżinformazzjoni;
- toolkit għall-għalliema mill-Kummissjoni Ewropea dwar kif jidentifikaw u jiġġieldu d-diżinformazzjoni;
- kampanja konġunta mill-Kummissjoni u mill-Grupp ta’ Regolaturi Ewropej għas-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva b’vidjo li jaħdem fuq il-media soċjali u li jixxandar madwar l-UE, li jqajjem kuxjenza dwar ir-riskji ta’ diżinformazzjoni u ta’ manipulazzjoni tal-informazzjoni qabel l-elezzjonijiet Ewropej;
- serje ddedikata ta’ artikli u għarfien dwar il-manipulazzjoni tal-informazzjoni u interferenza minn barranin fuq il-EUvsDisinfo tal-EEAS.
Leġiżlazzjoni ġdida tal-UE fis-seħħ
F’dan il-mandat, ġiet adottata leġiżlazzjoni importanti mill-koleġiżlaturi, bħall-Att dwar is-Servizzi Diġitali (DSA), l-Att dwar l-IA u l-Att dwar it-Trasparenza u l-Immirar tar-Reklamar Politiku. Matul il-mandat preċedenti, il-Kumitat Speċjali tal-Parlament Ewropew dwar l-Indħil Barrani fil-Proċessi Demokratiċi kollha fl-Unjoni Ewropea, inkluża d-Diżinformazzjoni (u s-suċċessur tagħha) xeħet ukoll dawl fuq il-kwistjoni tal-indħil barrani, inkluża d-diżinformazzjoni, u rrakkomanda li s-soċjetà kollha taqdi r-rwol tagħha, anke permezz ta’ miżuri mhux leġiżlattivi, biex tindirizzahom.
Id-DSA jirrikjedi li l-pjattaformi jivvalutaw u jimmitigaw ir-riskji relatati mal-protezzjoni tal-proċessi elettorali, bħad-diżinformazzjoni, inkluż permezz ta’ kontenut iġġenerat mill-IA. Id-DSA diġà huwa applikabbli bis-sħiħ u qed jiġi infurzat mill-Kummissjoni fir-rigward tal-hekk imsejħa “pjattaformi online kbar ħafna” (jiġifieri dawk li jilħqu mill-inqas 45 miljun utent fl-UE jew 10 % tal-popolazzjoni tal-UE). F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni diġà fetħet proċedimenti kontra X u Meta – kemm għal Instagram kif ukoll għal Facebook – dwar ksur potenzjali tad-DSA relatat mal-integrità elettorali. B’mod preventiv, f’Marzu 2024, il-Kummissjoni adottat linji gwida elettorali, filwaqt li fakkret fil-miżuri li l-pjattaformi jeħtieġ li jadottaw biex jiżguraw il-konformità. F’April 2024, il-Kummissjoni organizzat ukoll test tal-istress volontarju ma’ dawn il-pjattaformi, is-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet nazzjonali. Il-Kummissjoni tinsab fi djalogu kontinwu mal-pjattaformi biex tiżgura implimentazzjoni effettiva u konformità mad-DSA.
Għal aktar informazzjoni ara n-nota ta’ sfond.