Ejja nistinkaw biex nevitaw kriżi oħra
Hekk kif l-effetti tal-pandemija jissoktaw madwar id-dinja u t-tieni mewġa tal-virus qed tkompli tidħol fl-Ewropa, għandna għażla x’nagħmlu. Se nirrispondu sempliċiment għas-sitwazzjoni preżenti jew se nieqfu ftit u naraw x’hemm lest għalina fil-futur?
Il-COVID-19 la hi l-ewwel u lanqas hi l-aħħar emerġenza ta’ saħħa li se naffaċċjaw. Meta nirrikonoxxu dan, nistgħu u rridu ngħidu ‘qatt iżjed’. Irridu nagħmlu l-almu tagħna biex nidentifikaw it-theddida li jmiss għas-saħħa qabel ma ssir epidemija jew pandemija, u jekk jiġri hekk, nirkupraw b’mod li ma jkunx hemm riperkussjonijiet fuq is-saħħa, fuq l-ekonomija jew jiġu aggravati l-inugwaljanzi soċjali.
Kif se nagħmlu dan? Irridu minn issa naqsmu l-esperjenzi u nitgħallmu minnhom sabiex ma nerġgħux nirrepetuhom. Irridu wkoll nisforzaw lilna nfusna biex naħsbu u naġixxu b’mod differenti. Lil hinn mill-ħolqien ta’ vaċċin sabiex din il-kriżi tkun ikkontrollata, ħsibijietna jridu jduru fuq x’nistgħu nagħmlu għall-kriżi li jmiss. X’tgħallimna mill-kriżi preżenti biex nifhmu l-emerġenzi tas-saħħa tal-ġejjieni? Kif irridu nassiguraw li aħna mħejjija aħjar f’każ li tfeġġ kriżi oħra?
Neħtieġu mħuħ kreattivi minn barra u fi ħdan is-sistema tradizzjonali tas-saħħa pubblika. Esperti f’diversi oqsma huma lkoll importanti fil-promozzjoni u l-protezzjoni tas-saħħa pubblika globali. Irridu nrawwmu kollaborazzjonijiet madwar is-soċjetà kollha u bejn is-setturi, fejn ir-riżultati u l-benefiċċji jkunu aċċessibbli għal kulħadd. Immaġinaw li kieku kellna sistema ta’ twissija bikrija li tista’ tgħinna, per eżempju, biex nidentifikaw ix-xejriet mediċi, ambjentali u ta’ imġieba li jindikaw theddida imminenti ta’ saħħa. It-tip ta’ riskju li jista’ joħroġ jista’ jinftiehem aħjar bl-użu tad-data. Hemm ukoll diversi rivelazzjonijiet li nistgħu nagħmlu użu minnhom mill-esperjenzi personali tagħna tal-COVID-19 u, bl-għajnuna tal-esperti, nistgħu ngħidu liema miżuri ta’ intervent huma l-aktar effettivi. Barra minn hekk, l-ekonomisti wkoll jistgħu jiġu b’ideat ġodda sabiex jassiguraw li t-triq tal-irkupru ma tintensifikax l-inugwaljanzi eżistenti fil-proċess.
Huwa f’idejna, aħna l-bnedmin, biex nassiguraw li pandemija bħall-koronavirus ma terġax isseħħ. Ilkoll għandna l-opportunità biex nistinkaw sabiex ma naffaċċjawx kriżi oħra li għadha ttellef u teqred il-ħajjiet kif ukoll l-għajxien tan-nies. L-umanità għandha l-mezzi biex tipprevjeni dan u allura ejja ma nistennewx il-bajtra taqa’ f’ħalqna.