Il-Kap Eżekuttiv tal-UHM Voice of the Workers Josef Vella sejjaħ għar-riżenja tal-Gvernatur tal-Bank Ċentrali Edward Scicluna fl-isfond tal-akkużi kriminali mressqa kontrih b’rabta mal-iskandlu Vitals.

“Anke xi ħadd f’pożizzjoni ferm iktar influwenti bħal ma’ kien il-Papa Benedittu XV kien għażel li jirriżenja meta ħass li ma setax imexxi – għalkemm minħabba l-kundizzjoni ta’ saħħtu. Għalhekk, aħseb u ara kemm għandu jirriżenja Edward Scicluna li jmexxi istituzzjoni li suppost hija maħsuba biex tiżgura l-integrità u l-kontabbiltà fis-settur finanzjarju – meta dan qed jiffaċċja akkużi kriminali.”

Il-Kap Eżekuttiv tal-UHM kien qed jirreaġixxi għall-kummenti li għamel il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali meta kien mistoqsi mill-ġurnalisti barra l-qrati fil-Belt Valletta. Scicluna   kellu jidher għall-ewwel seduta b’rabta ma’ dan il-każ, li wassal ukoll biex ikunu akkużati tl-eks Prim Ministru Joseph Muscat u l-eks assistent tiegħu Keith Schembri, flimkien ma’ għadd ta’ figuri prominenti Laburisti bħal Konrad Mizzi u Chris Fearne. L-akkużati kollha qed iwieġbu mhux ħatja.

Scicluna, serva bħala ministru tal-finanzi bejn l-2013 u l-2020 meta sar il-ftehim li kien segwit bl-allokazzjoni ta’ mijiet ta’ miljuni mit-taxxi tal-poplu lil Vitals. L-eks ministru tal-finanzi wieġeb mhux ħati għal akkużi ta’ frodi, miżapproprjazzjoni u qligħ frawdolenti.

Huwa stmat li €400 miljun f’fondi pubbliċi sparixxew mill-2016 sal-2023 meta l-ftehim ġie revokat minn qorti wara battalja legali mibdija mill-eks Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.

Minkejja n-natura serja tal-akkużi Scicluna sostna li la l-gvern, la l-Oppożizzjoni, u lanqas NGOs ma setgħu jitolbu r-riżenja tiegħu.

Il-Kap Eżekuttiv tal-UHM irrimarka li meta ħaddiem jiġi mixli fil-Qorti, dan jiġi sospiż immedjatament mill-post tax-xogħol tiegħu anke qabel ma jibda l-proċess dixxiplinarju kontrih.

“Għalhekk ma nistgħux nibqgħu ngħidu li rridu nistennew li l-qrati jiddeċiedu allura jekk jinstabx ħati,  qabel jiġi penalizzat,” żied il-Kap Eżekuttiv tal-UHM.

“Wieħed jista’ jgħid ħafna dwar ir-riżenja ta’ Chris Fearne – imma fil-verità meta taqraha, hija miktuba sew u maħsuba sew. Imma dan jgħodd biss għal persuna waħda? Qed nitkellmu dwar il-Bank Ċentrali, li huwa parti mill-Bank Ċentrali Ewropew. Nistgħu, bħala pajjiż tal-UE, ikollna dell bħal dan fuqna?”.

“Il-biża’ tiegħi hi dwar jekk kienx hemm xi direzzjoni politika biex ma jkunx hemm riżenja qabel it-8 ta’ Ġunju. Dan jirrifletti l-livell ta’ integrità li neħtieġu? Nifhem li hemm tattiċi politiċi involuti, imma jasal mument meta l-interessi tal-pajjiż iridu jieħdu preċedenza. Bħalissa, l-interessi tal-pajjiż mhumiex qed jingħataw prijorità,” żied jgħid Josef Vella.