Ebda ostaklu għall-moviment ħieles ta’ informazzjoni mhux personali fl-UE
It-tneħħija tal-ostakli għall-moviment ħieles ta’ informazzjoni mhux personali fi ħdan l-UE għal kumpaniji u awtoritajiet pubbliċi hi għan prinċipali ta’ abbozz ta’ liġi approvat mill-Kumitat tas-Suq Intern.
Ir-regolamenti proposti jistgħu jipprevjenu kull stat membru milli jimponu restrizzjonijiet territorjali jew projbizzjonijiet dwar il-ħażna jew kull ipproċessar ieħor ta’ informazzjoni mhux personali kullimkien fl-UE.
Restrizzjonijiet dwar il-lokalizzazzjoni tal-informazzjoni li jxekklu l-mobbilta’, kemm diretta kif ukoll indiretta, jieħdu forom differenti f’diversi setturi. Dawn jinkludu, per eżempju, awtoritajiet superviżorji li jagħtu pariri lil min jipprovdi servizzi finanzjarji sabiex jaħżnu d-data lokalment, regoli ta’ segretezza professjonali li jkopru l-ħażna jew l-ipproċessar ta’ data lokali (eż. fuq data ta’ riċerka anonima dwar is-saħħa), jew regolamenti wiesa’ li jeħtieġu ħażna lokali ta’ informazzjoni ġġenerata mis-settur pubbliku, inkluż l-akkwist pubbliku.
Eċċezzjoni fuq is-sigurta’ pubblika
Dan l-abbozz ta’ liġi Ewropew jipprojbixxi regolamenti nazzjonali li jeħtieġu data biex tkun maħżuna jew ipproċessata fi stat membru speċifiku. L-Ewro Parlamentari żammew l-eċċezzjonijiet għall-minimu billi ċċaraw li kull restrizzjoni dwar il-lokalizzazzjoni tad-data tista’ biss titħalla “fuq bażi eċċezzjonali”, fejn ikun iġġustifikat skont “raġunijiet imperattivi ta’ sigurta’ pubblika”.
Il-prerekwiżiti tal-lokalizzazzjoni tad-data fil-ġejjieni li jkun għad baqa’ jridu jkunu komunikati lill-Kummissjoni Ewropea u pubblikati fuq l-internet, sabiex it-trasparenza tkun assigurata.
L-aċċess għal u l-portabbilta’ tad-data
L-abbozz ta’ liġi jassigura li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom aċċess għad-data maħżuna jew ipproċessata fi stat membru ieħor għal skopijiet ta’ kontroll regolatorju, bħal għall-ispezzjoni u awditjar, ħalli d-dmirijiet tagħhom ikunu jistgħu jiġu attwati.
Jinkoraġġixxi wkoll il-ħolqien ta’ kodiċi ta’ kondotta sabiex l-utenti professjonali jaqilbu min jipprovdi s-servizz tal-cloud u jittrasferixxu d-data lura għas-sistemi teknoloġiċi tagħhom. L-Ewro Parlamentari qalu li dawn il-kodiċi ta’ kondotta għandhom jiċċaraw li l-ostakli għall-moviment tad-data tul is-sistemi teknoloġiċi ma jkunux prassi ta’ negozju aċċettabbli.
Settijiet imħallta ta’ data
L-Ewro Parlamentari jiċċaraw li f’każ ta’ settijiet imħallta ta’ data (mhux personali jew personali), dan ir-regolament għandu japplika għall-parti mhux personali tas-sett. Id-data personali tkun suġġett għar-regolamenti ġodda Ewropej dwar il-protezzjoni tad-data (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), applikabbli sa mill-25 ta’ Mejju 2018. L-Ewro Parlamentari jistipulaw li jekk id-data personali u mhux personali f’sett ta’ data mħallta jkunu inseparabbilment magħqudin ma’ xulxin, dan ir-regolament japplika “mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) 2016/679” (GDPR). Iż-żewġ regolamenti allura jikkumplimentaw lil xulxin.