Dimostranti jitolbu li ssir ġustizzja dwar l-iskandlu tal-isptarijiet
Mijiet ta’ dimostranti l-Ħamis filgħaxija immarċjaw tul Triq ir-Repubblika fil-Belt Valletta, isejħu għall-ġustizzja u għal “Malta aktar nadifa” fl-isfond tal-inkjesta maġisterjali dwar l-iskandlu tal-isptarijiet.
Id-dimostrazzjoni kienet organizzata mill-NGO Repubblika u diversi NGOs oħra tas-soċjetà ċivili kif ukoll mill-UHM Voice of the Workers.
L-eks Prim Ministru Joseph Muscat, l-eks chief of staff tiegħu Keith Schembri, u uffiċjali għolja oħra tal-gvern ġew imħarrka biex jiffaċċjaw akkużi kriminali b ’rabta mar-rwoli tagħhom fil-konċessjoni tat-tmexxija ta’ tliet sptarijiet tal-gvern lil Vitals Global Healthcare. Il-ftehim sewa lill-Maltin madwar €400 miljun fuq medda ta’ seba’ snin mill-2016 sal-2023 meta l-qorti iddikjarat il-konċessjoni bħala nulla. Is-sentenza saret wara investigazzjoni tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika li sabet li kien hemm “kollużjoni”.
F’messaġġ fuq Facebook li xxandar jum qabel il-protesta, il-Kap Eżekuttiv tal-UHM Josef Vella sejjaħ għat-trażżin tal-attakki kontra l-ġudikatura. Insista li l-pilastri ta’ soċjetà demokratika – l-eżekuttiv, il-leġislattiv u l-ġudikatura kif ukoll il-ġurnaliżmu indipendenti ħieles – għandhom ikunu mħarsa.
Waqt il-protesta tal-Ħamis, l-attivista Pia Zammit qalet li l-avvenimenti riċenti taw raġun dak li kienet żvelat Daphne Caruana Galizia dwar il-ftehim tal-isptarijiet, fejn enfasizzat il-periklu li ġġib magħha r-retorika tal-Prim Ministru Robert Abela li ddeskriva lil dawk li ma jaqblux miegħu bħala “l-establishment” waqt li akkuża Maġistrat b’ terroriżmu politiku. Hi enfasizzat li kliem Abela kellu impatt sinifikanti u akkużatu li abbuża mill-poter tiegħu, li kkontribwixxa għal klima li wasslet għall-assassinju ta’ Caruana Galizia.
Sarah Xuereb mill-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ tkellmet dwar l-importanza li s-soċjetà ċivili tingħaqad biex titlob riforma u ħeġġet liż-żgħażagħ biex ma jibżgħux jieqfu kontra l-inġustizzji u jżommu lil dawk li jagħmlu l-ħażen responsabbli ta’ għamilhom.
L-attivist tal-moviment Graffitti Robert Louis Fenech ħeġġeġ lill-Prim Ministru biex iħalli l-istituzzjonijiet joperaw b’mod indipendenti u kkritika l-idea li s-saħħa pubblika tkun privatizzata.
Il-President ta’ Repubblika Vicki Anne Cremona ikkundannat l-istat fiżiku tal-isptarijiet tal-Gvern li qalet qed jiddeterjora, u akkużat dawk li kellhom x’jaqsmu mal-ftehim b’ inkompetenza u b’serq. Staqsiet għaliex Abela kien qed jattakka lill-ġudikatura minflok iżomm lil Muscat responsabbli.
Id-dimostrazzjoni ngħalqet b’diskors ta’ Robert Aquilina, il-President onorarju ta’ Repubblika, li iddeskriva s-sitwazzjoni bħala mument kritiku fl-istorja ta’ Malta. Huwa akkuża lil Muscat u Abela li qed jimminaw lill-ġudikatura u lill-ġurnalisti, simili għat-tattiċi li ntużaw fil-konfront ta’ Daphne Caruana Galizia. Saħaq fuq il-bżonn li uffiċjali pubbliċi li jaqdu dmirhom isibu ħajt ta’ kenn u wiegħed li l-protesti se jibqgħu għaddejjin sakemm issir gustizzja u Malta titnaddaf.