Ċertifikat Diġitali Aħdar jista’ jkun kruċjali biex it-turiżmu jirpilja
Iċ-Ċertifikat Diġitali Aħdar jista’ jkollu rwol kruċjali biex it-turiżmu f’Malta jirpilja, iżda s-suċċess tiegħu jiddependi ħafna fuq ir-rata ta’ tilqim tal-COVID-19 madwar l-Ewropa u l-miżuri biex titrażżan il-pandemija.
L-ekonomista Philip Von Brockdorff qal dan meta mistoqsi minn Voice of the Workers Weekly dwar il-ħatra reċenti tiegħu bħala President tal-Grupp ta’ Studju dwar din il-proposta fil-kapaċità tiegħu bħala membru tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew – korp konsultattiv tal-UE li jinkludi rappreżentanti tal-imsieħba soċjali mill-istati membri kollha. Dr Von Brockdorff jirrappreżenta lill-UĦM Voice of the Workers.
Dan iċ-ċertifikat huwa maħsub biex iservi bħala evidenza li d-detentur tiegħu ġie mlaqqam, irċieva riżultat tat-test negattiv jew irkupra mill-COVID-19. Id-dokument se jkun disponibbli, mingħajr ħlas, f’format diġitali jew stampat u se jinkludi kodiċi QR biex tkun żgurata s-sigurtà u l-awtentiċità taċ-ċertifikat. Il-Kummissjoni Ewropea għandha l-għan li tintroduċi ċ-ċertifikat sa Ġunju.
Bħala l-istituzzjoni li tirrappreżenta l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili, il-Kumitat intalab jipprovdi l-pożizzjoni tiegħu dwar iċ-Ċertifikat Aħdar Diġitali u nħatar grupp ta’ studju li se jkun presedut minn Dr Von Brockdorff. Dan se jagħti pożizzjoni biex tmur għall-approvazzjoni tal-plenarja. Minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni l-pożizzjoni mistennija aktar tard dan ix-xahar u se tmur għand il-Kummissjoni skont ma titlob il-proċedura.
“Iċ-Ċertifikat Diġitali Aħdar jista’ jkun kruċjali biex f’pajjiżi bħal Malta li jiddependu ħafna mit-turiżmu din l-industrija tirpilja. Naturalment, il-programm ta’ tilqim u l-miżuri li qed jittieħdu fil-ġlieda kontra l-COVID-19 jibqgħu importanti, u s-suċċess ta’ din l-inizjattiva jiddependi kompletament kemm mill-programm ta’ tilqim madwar l-UE kif ukoll minn miżuri oħra li qed jittieħdu biex titrażżan il-pandemija,” Dr Von Brockdorff sostna.
Huwa żied li r-Rappreżentanti Permanenti tal-Istati Membri se jippruvaw jaqblu dwar dan ir-regolament fl-14 t’April f’laqgħa tal-Coreper (korp magħmul mir-Rappreżentanti Permanenti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri kollha tal-UE), sabiex jibdew in-negozjati mal-Parlament Ewropew , li aċċetta l-proċedura ta’ urġenza.
“Xi Stati Membri indikaw li jista’ jkollhom bżonn aktar ħin biex jikkonsultaw il-parlamenti reġjonali u proponew perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ xahar, pereżempju. Il-Kummissjoni, madankollu, trid li dawn iċ-Ċertifikati jkunu operattivi sa Ġunju,” il-membru tal-Kumitat qal.
L-għan taċ-Ċertifikat Diġitali se jkun li jneħħi r-restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu. Madankollu, l-aħħar kelma preżumibbilment tibqa’ r-responsabbiltà tal-Istati Membri. “Iċ-Ċertifikat mhuwiex maħsub biex iservi bħala dokument tal-ivvjaġġar li jfisser li l-vjaġġaturi għandhom jinfurmaw ruħhom dwar il-miżuri nazzjonali fis-seħħ qabel il-vjaġġ ippjanat tagħhom. Dawn iċ-Ċertifikati l-Ħodor lanqas m’għandhom iservu ta’ garanzija biex ikun eżerċitat id-dritt tal-moviment ħieles, ” Dr Von Brockdorff sostna.