Bżonn ta’ bidla fid-direzzjoni jew se nispiċċaw ħażin
Minkejja l-problema akuta tat-tkabbir fil-popolazzjoni li qed jiffaċċjaw il-Gżejjer Maltin, hemm indikazzjonijiet li s-sitwazzjoni tista’ tkun qed tmur għall-agħar. Il-bozza l-ħamra inxtegħlet minn studju li sar mill-aġenzija tal-immaniġġjar tal-iskart Wasteserv li qed twissi li l-infrastruttura tal-pajjiż se tkun taħt iktar pressjoni. Tħassib bħal dan qed jitqajjem wara li skont stimi konservattivi li qed isiru mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, jidher li sal-2030, it-turiżmu se jilħaq it-tliet miljuni fis-sena. Li huwa iktar inkwetanti huwa l-fatt li bħala medja t-turisti jipproduċu kważi d-doppju tal-ammont ta’ skart domestiku ġġenerat mir-residenti Maltin.
Biex tgħaxxaq kien hemm suġġerimenti li għandna nimmiraw saħansitra ogħla, hekk kif skont studju ta’ Deloitte, Malta jkollha tattira 4.7 miljun turist fis-sena biex tagħmel l-aħjar użu mill-istokk eżistenti u ppjanat ta’ sodod tal-lukandi.
Lura għas-sitwazzjoni preżenti, diġà hemm evidenza biżżejjed li l-kwalità tal-ħajja tagħna qed tieħu daqqa minħabba ż-żieda qawwija fil-popolazzjoni. Sfortunatament, it-toroq ta’ Malta qed jistaġnaw b’mod permanenti matul il-ġurnata kollha. L-ivvjaġġar anke fuq distanzi qosra sar qisu ħmar il-lejl. Barra minn hekk, proġetti infrastrutturali enormi biex jitwessgħu t-toroq u jinbnew flyovers mhux qed jaqdu l-iskop tagħhom għax li qed jiġri hu li qed jitfgħu il-konġestjoni ftit bogħod. Sadanittant, is-sitwazzjoni fil-miżbla tal-Magħtab mhix qed titjieb b’aktar u aktar art tittieħed biex takkomoda l-iskart imħallat jew bil-‘muntanja’ eżistenti tkompli togħla bir-riżultat li tkompli tkerrah l-ambjent.
F’dan il-kuntest ikun ġenn li nibqgħu għaddejjin f’din id-direzzjoni u ninjoraw l-impatt li ż-żieda qawwija fil-popolazzjoni qed tħalli fuq il-ħajja tagħna. Sfortunatament, għalkemm ilna snin nisimgħu fuq il-ħtieġa li mmorru għal turiżmu ta’ kwalità, għadna qed naħdmu għall-massa u mhux daqstant fuq il-kwalità. B’din ir-rata, nistgħu nispiċċaw nitilfu kollox, peress li l-mudelli eżistenti ta’ tkabbir qed jhedded l-ambjent u l-ħtiġijiet essenzjali bażiċi tagħna. Liema turist se jmur għal btala biex jeħel fit-traffiku, fejn hemm għoli tal-ħajja sfrenat, u ambjent maħmuġ minħabba infrastruttura ta’ mmaniġġjar tal-iskart mhux sostenibbli. Wasal iż-żmien li l-politiċi, dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, l-imsieħba soċjali u ċ-ċittadini b’mod ġenerali jirrealizzaw li jekk nibqgħu għaddejin f’din id-direzzjoni illum jew għada se nsibu ħajt. Ilkoll nafu kif tispiċċa meta ssuq gas down ġol-ħajt. L-unika għażla li għandna li nevitaw li jkun hemm din il-ħabta.