Bżonn ta’ aktar xogħolijiet ta’ kwalità
Għalkemm il-qgħad f’Malta jinsab f’rata baxxa ħafna, id-diskrepanza fil-ġid tibqa’ tikber. Il-fatti juru li għalkemm ħafna nies jinsabu fis-suq tax-xogħol, l-impjiegi tagħhom sempliċiment mhumiex qed jagħtuhom dak li jeħtieġu f’termini ta’ sigurtà finanzjarja fit-tul, benefiċċji tajbin u potenzjal biex jimirħu iżjed. X’għandu jsir biex kulħadd f’Malta jkollu impjieg tajjeb u diċenti?
Min iħaddem jista’ jtejjeb il-kwalità tal-impjiegi li joffru lill-ħaddiema tagħhom permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Sabiex jiksbu l-ħiliet meħtieġa biex jaddattaw għal post tax-xogħol li qed jinbidel maż-żmien, il-ħaddiema jridu l-opportunitajiet biex jitgħallmu u jiżviluppaw l-abbiltajiet tagħhom. Dawn l-opportunitajiet għandhom ikunu aċċessibbli fil-postijiet tax-xogħol tagħhom, sabiex il-ħaddiema jkunu kapaċi jikbru fix-xogħolijiet tagħhom flok iħallu l-impjiegi tagħhom u jfittxu t-taħriġ x’imkien ieħor. Irridu nbidlu n-narrattiva sabiex ix-xogħol minnu nnifsu jkun ambjent ta’ tagħlim kontinwu.
Prijorità oħra hi s-sigurtà fix-xogħol permezz ta’ kundizzjonijiet li ma jaqgħux fil-livell tal-prekarjat. Bl-influss ta’ ħaddiema barranin għadna qed naraw impjiegi, offruti minn kuntratturi, b’salarji baxxi ħafna. Hawn employers li jipprovdu xogħolijiet b’nuqqas ta’ benefiċċji u li ma jagħtux importanza lis-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema li jingaġġaw magħhom. Tali ħaddiema għandhom jissieħbu f’union u permezz tan-negozjar kollettiv dawn mhux biss ikunu rappreżentati imma jkollhom garanzija li d-drittijiet tagħhom ma jkunux mittiefsa. Barra minn hekk il-Gvern għandu jniedi riforma biex jindirizza l-prekarjat bis-serjetà.
Il-ħinijiet twal tax-xogħol ukoll qed ikunu ta’ sfida. Issib ħaddiema li biex ilaħħqu mal-ħajja jkollhom jaħdmu s-sahra jew inkella jagħmlu xogħol part-time. Din ir-realtà qed twassal biex il-ħaddiem ma jsibx bilanċ adekwat bejn ix-xogħol u l-ħajja mal-familja. Għalhekk il-bżonn li l-pagi jogħlew f’dan il-pajjiż.
Voice of the Workers jikkontendi li l-Gvern għandu jitfa’ ħarstu iżjed fuq is-suq tax-xogħol. Dan ma jseħħx billi jxejjer xi bakketta maġika. Il-Gvern, flimkien mal-partijiet interessati kollha, għandu jkun kreattiv u joħloq ekonomija li tkun iżjed umana bl-iskop li l-ħaddiema u l-familji tagħhom ikollhom futur aħjar.