Bżonn li nkunu aktar voċiferi favur l-ugwaljanza
“Jekk mhux se nidentifikaw x’inhuma l-problemi li qed jiffaċċjaw in-nisa u t-tfajliet fis-soċjetà tagħna, mhux se niksbu l-ugwaljanza”. Dan qalitu Dr. Lara Dimitrijeviċ, Direttur tal-Fondazzjoni għad-Drittijiet tan-Nisa f’intervista ma’ Voice of the Workers.
Hi qalet li l-COVID-19 affettwat lill-ħaddiema nisa, partikularment dawk li huma vittmi ta’ vjolenza domestika.
Dr. Dimitrijeviċ spjegat li kawża t’hekk il-Fondazzjoni riedet twettaq xi ħaġa ħalli dawn in-nies ikollhom xi forma ta’ għajnuna. Sussegwetament inħoloq freephone sabiex nisa li kienu għaddejjin minn problemi bħal dawn isibu l-appoġġ meħtieġ. Madankollu, l-għajnuna għal dawn in-nisa ma kinitx faċli.
F’intervista li tat lil ġurnal lokali fil-jiem li għaddew, Dr. Dimitrijeviċ saħqet li f’realtà ideali wara l-COVID-19, l-awtoritajiet iridu jaqtgħuha u jieqfu jużaw il-kelma “ugwaljanza”. Hi fissret li l-ideal hu li s-sessi jkunu ugwali imma r-realtà hija mod ieħor.
Dr. Dimitrijeviċ tkellmet dwar il-kwistjoni tal-vjolenza domestika u rreferiet għall-Konvenzjoni ta’ Istanbul. Hi qalet li l-Kunsill tal-Ewropa rrikonoxxa li hemm bżonn li jkollna trattat li qed jindirizza l-vjolenza fuq il-mara.
Voice of the Workers staqsa dwar it-triq ‘il quddiem biex l-ugwaljanza tassew tinkiseb.