Baġit bil-kuluri kollha imma bla griż
Fl-ewwel reazzjoni tagħha għall-Baġit 2022 il-UĦM Voice of the Workers qalet li dan kien mimli b’miżuri soċjali iżda fqir fuq ir-reputazzjoni ta’ Malta . Kien Budget ukoll b’xeħta ambjentali minħabba d-diversi inċentivi biex jippromwovu l-bidla għal karozzi elettriċi u għar-rijabilitazzjoni tal-irħula biex zoni ta’ konservazzjoni urbana ma jkomplux jiġu mhedda.
In-naħa l-oħra tal-munita, hija li l-Baġit 2022 jonqos milli jindirizza kwistjonijiet serji ħafna bħall-pjan biex Malta toħroġ mil-lista l-griża, iż-żieda fid-dejn, in-nuqqas ta’ setturi ekonomiċi ġodda u xejriet inkwetanti fid-dinja tax-xogħol.
Fil-bidu tal-pandemija l-Prim Ministru Robert Abela kien wissa li kien qed joqgħod attent li ma jużax ‘il-munizzjoni’ kollu mill-ewwel f’każ li din ittawwal. Għaddew sena u nofs u l-Ministru tal-Finanzi qal li Covid-19 sewa lill-kaxxa ta’ Malta € 1.5 biljun – kwart tad-dejn kollu li Malta akkumulat fi kważi 60 sena bħala Stat indipendenti.
Għalkemm kulħadd jaċċetta li kellu jitħallas prezz biex il-qgħad jinżamm taħt kontroll permezz tal-wage supplement scheme u biex nappoġġjaw l-ekonomija minn riċessjoni kbira, dan ma jfissirx li xi darba mhux se jkollna nħallsu l-kont. Dak li huwa inkwetanti f’dan ir-rigward huwa li l-Baġit 2022 alloka €69 miljun oħra lil Steward Health Care li qed imexxu tliet sptarijiet tal-Istat. Dawn il-flus mhux sejrin għas-salarji tal-ħaddiema, iżda fl-istess ħin il-gvern ma spjegax fejn verament sejrin dawn il-flus u għaliex il-poplu qed jibqa’ jitgħabba b’dan il-piż. Dak li hu tal-iskantament hu l-fatt li f’inqas minn sentejn il-Gvern se jkun qed iħallas aktar minn €100 miljun – il-penali jekk il-kuntratt jitwaqqaf.
Sadanittant, il-Baġit ibassar li Malta se tibqa’ tirreġistra defiċit mill-inqas sal-2024. Għalkemm il-gvern qed jipprova jgħatti ċ-ċifra billi jikkwota l-ammont bħala perċentwali tal-ekonomija, fl-aħħar mill-aħħar il-fatt jibqa’ li f’ħames snin biss id-dejn ta’ Malta se jkun irdoppja għal €10 biljun. Id-dejn ma jitħallasx bil-persentaġġi imma sal-inqas ewro.
Huwa wkoll ta’ tħassib li dan id-dejn jista’ jkun għola jekk Malta tonqos milli tilħaq it-tkabbir ekonomiku imbassar. F’dan ir-rigward, il-gvern għandu jiddiversifika l-ekonomija u ma jibqax jiddependi biss fuq il-kostruzzjoni, it-turiżmu u l-industrija tas-servizzi finanzjarji. Filwaqt li t-tkabbir ekonomiku ġenerat mill-industrija tal-kostruzzjoni kellu impatt qawwi fuq l-ambjent, it-turiżmu ngħata daqqa kważi fatali mill-pandemija u s-servizzi finanzjarji theżżu bid-deċiżjoni Malta titpoġġa fil-lista l-griża. Għalhekk, ma jkunx għaqli jekk ikun hemm tbassir ta’ tkabbir ekonomiku qawwi mingħajr ma jkun kunsidrat dan kollu. Sadanittant is-sistema ta’ tassazzjoni ta’ Malta qiegħda dejjem aktar taħt pressjoni wara d-deċiżjoni mill-OECD li tkun imposta taxxa minima ta’ 15% għal korporazzjonijiet li għandhom turnover minn €750 miljun ’il fuq. Madankollu, il-Baġit għall-2022 ma jsemmi l-ebda sforz biex jinħolqu setturi ekonomiċi ġodda.
Fir-rigward tal-impjiegi, il-Budget ftit li xejn għandu x’joffri biex iwaqqaf il-prassi li qed twassal biex il-gvern jikkompeti mas-settur privat. Min iħaddem ilu jwissu li sakemm il-politiċi jibqgħu iħajru lill-impjegati fil-privat biex imorru mal-Gvern fejn x’aktarx ikollhom inqas sikkatura u jagħmlu xogħol ieħor minn taħt, huma qatt ma jistgħu jirnexxu.
Il-Budget m’għandux ikun sempliċiment eżerċizzju ta’ accounting b’xi miżuri popolari għax tkun ġejja l-elezzjoni. Dan l-avveniment annwali hu mezz biex il-gvern jieħu kont tas-sitwazzjoni u juri l-viżjoni tiegħu għall-futur. Id-diskors tal-Ministru tal-Finanzi kien simili għal dak ta’ tabib li jevita li jagħti stampa sħiħa lill-pazjent tiegħu iżda jillimita r-riżultati mediċi għall-aspetti pożittivi biss. Sfortunatament, ilkoll nafu kif se tintemm l-istorja. Problema li ma tiġix ikkurata fi stadju bikri tista’ twassal għal konsegwenzi serji jekk mhux #
amputazzjoni.