Ażil: Il-MPE jitolbu aktar solidarjetà fost il-pajjiżi tal-UE
Ir-Regolamenti Dublin III tal-2013 dwar l-ażil ipoġġu “responsabbiltà sproporzjonata fuq minoranza ta’ stati membri, b’mod partikolari meta jkun numru kbir ta’ wasliet”, skont abbozz ta’ riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew.
Għalhekk, għandu jkun hemm mekkaniżmu bbażat fuq is-solidarjetà biex jiġi żgurat id-dritt fundamentali għall-ażil fl-UE u d-distribuzzjoni ugwali tar-responsabbiltà fost l-istati membri.
Is-sejħa saret f’abbozz ta’ riżoluzzjoni approvat mill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern.
Il-Kumitat innota li l-applikazzjoni mhux xierqa tal-ġerarkija tal-kriterji – b’mod partikolari l-użu eċċessiv tal-kriterju tal-ewwel pajjiż ta’ dħul – u l-implimentazzjoni ineffettiva tat-trasferimenti jżidu l-pressjoni fuq ċerti pajjiżi, jiġifieri l-Greċja, l-Italja, Malta, Ċipru, u Spanja.
Il-MPE esprimew dispjaċir ukoll li l-Kunsill, kuntrarjament għall-Parlament, ma adottax pożizzjoni dwar il-proposta tal-2016 biex jirriforma r-Regolamenti ta’ Dublin, u b’hekk jimblokka dik ir-riforma u jħalli lill-Unjoni bl-“istess sett ta’ regoli li wrew li huma ineffettivi” fil-ġestjoni ta’ numru kbir ta’ wasliet.
Huma nsistew li ftehimiet ad hoc dwar ir-rilokazzjoni ma jistgħux jissostitwixxu Sistema Komuni Ewropea u ta’ Ażil armonizzata u sostenibbli u talbu aktar riżorsi u kapaċitajiet għall-istati membri l-aktar milquta sakemm ir-regoli ta Dublin ma jiġux riformati.
It-test mhux leġiżlattiv ġie approvat b’45 vot favur u 10 astensjonijiet. Dan titressaq għall-vot mill-Kamra sħiħa matul is-sessjoni plenarja li jmiss, aktar tard dan ix-xahar.