Il-MPE approvaw ir-regoli riveduti dwar is-sikurezza tal-prodotti fuq dawk il-prodotti għall-konsumaturi li mhumiex tal-ikel b’569 vot favur, 13 kontra u ebda astensjoni. Ir-regolament il-ġdid jallinja d-Direttiva eżistenti dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti mal-aħħar żviluppi fid-diġitalizzazzjoni u ż-żieda fix-xiri online.

It-titjib tal-valutazzjonijiet tas-sikurezza

Sabiex ikun garantit li l-prodotti li jmorru fis-suq ikunu sikuri għall-konsumaturi, ir-Regolament dwar is-Sikurezza Ġenerali tal-Prodotti jinkludi miżuri biex ikun żgurat li r-riskji għall-aktar konsumaturi vulnerabbli (pereżempju t-tfal), l-aspetti tal-ġeneru u r-riskji ċibernetiċi jitqiesu matul il-valutazzjonijiet tas-sikurezza.


Is-sorveljanza tas-suq u l-ħwienet online

Ir-regolament il-ġdid jestendi l-obbligi ta’ operaturi ekonomiċi (pereżempju manifattur, importatur, distributur), iżid is-setgħat tal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u jintroduċi obbligi ċari għall-fornituri tas-swieq online. Is-swieq online għandhom jikkooperaw mal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq biex jittaffew ir-riskji, li min-naħa tagħhom jistgħu jordnaw lis-swieq online biex ineħħu jew jiddiżattivaw l-aċċess għal offerti ta’ prodotti perikolużi mingħajr dewmien żejjed, u fi kwalunkwe każ fi żmien jumejn ta’ xogħol.

Il-prodotti li ġejjin minn barra l-UE jistgħu jiġu introdotti fis-suq biss jekk ikun hemm operatur ekonomiku stabbilit fl-Unjoni Ewropea, li jkun responsabbli għas-sikurezza ta’ dawn il-prodotti.


Proċeduri effiċjenti ta’ sejħiet lura ta’ prodott mis-suq

Il-leġiżlazzjoni riveduta ttejjeb il-proċedura ta’ sejħa lura ta’ prodott mis-suq, peress li bħalissa r-rati ta’ ritorn għadhom baxxi, bi stima ta’ terz tal-konsumaturi tal-UE li għadhom jużaw prodotti msejħa lura.

Jekk prodott jiġi msejjaħ lura, il-konsumaturi jridu jkunu informati direttament u jiġu offruti tiswija, bdil jew rimborż. Il-konsumaturi għandhom ukoll id-dritt li jressqu lmenti jew jiftħu azzjonijiet kollettivi. L-informazzjoni fuq is-sikurezza tal-prodotti u l-għażliet ta’ rimedju trid tkun disponibbli b’lingwaġġ ċar, faċli u li jinftiehem. Is-sistema ta’ twissija rapida għall-prodotti perikolużi (il-portal Safety Gate) se tiġi mmodernizzata biex il-prodotti mhux sikuri jkunu jistgħu jiġu identifikati b’mod effiċjenti u se tkun aktar aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità.


Il-passi li jmiss

Il-Kunsill jeħtieġ li japprova formalment ukoll dan it-test, qabel ma jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE u jidħol fis-seħħ. Ir-Regolament se japplika 18-il xahar wara d-dħul fis-seħħ tiegħu.


Sfond

Fl-2021, 73% tal-konsumaturi xtraw prodotti online (imqabbel ma’ 50% fl-2014) u fl-2020, 21% ordnaw xi ħaġa minn barra l-UE (8% fl-2014). Skont ir-rapport annwali tal-2020 ta’ Safety Gate, 26% tan-notifiki ta’ prodotti perikolużi kienu jikkonċernaw prodotti mibjugħa online, filwaqt li tal-inqas 62% kienu jikkonċernaw prodotti li ġejjin minn barra l-UE u ż-Żona Ekonomika Ewropea.

Ir-regoli l-ġodda huma maħsuba li jiffrankaw lill-konsumaturi tal-UE madwar €1 biljun fl-ewwel sena u madwar €5.5 biljun fl-għaxar snin li ġejjin. Bis-saħħa tat-tnaqqis tal-għadd ta’ prodotti mhux sikuri fis-suq, il-miżuri l-ġodda għandhom inaqqsu l-ħsara kkawżata lill-konsumaturi tal-UE minħabba inċidenti relatati mal-prodotti (illum huwa stmat li jammontaw għal €11.5 biljun kull sena) kif ukoll l-ispiża tal-kura tas-saħħa (stmata li tiswa €6.7 biljun kull sena).