Aktar sigurta’ fit-toroq
L-inċidenti fit-toroq tagħna qed jiżdiedu mhux jonqsu. Xbajna nisimgħu b’rapporti ta’ sewqan taħt l-effetti tal-alkoħol, sewqan taħt l-eta’, sewqan bl-addoċċ jew bi traskuraġni kif ukoll numru ta’ inċidenti gravi jew fatali.
Xi persuni jqisu s-sigurta’ fit-toroq bħala xi ħaġa mhux essenzjali. Iżda dan is-suġġett sar wisq jissemma fl-aħbarijiet. Biżżejjed nirreferu għall-inċident tal-kuntistabbli li ttajjar u tkaxkar għal diversi metri minn żagħżugħ bla skrupli f’Ħal Luqa kif ukoll il-każ ta’ sewwieq żagħżugħ li tajjar diversi persuni barranin u qatel żagħżugħ f’Tas-Sliema dan l-aħħar.
L-attitudni egoista, li niġu naqgħu u nqumu minn ħaddieħor, qed tirrenja wisq fost is-sewwieqa u saret pjaga, jekk mhux ta’ periklu dejjem jikber, għas-saħħa pubblika f’pajjiżna.
X’qed ikunu l-kawżi prinċipali tal-inċidenti fit-toroq? Wieħed jibda jsemmi s-sewqan perikoluż b’veloċita’, l-aljenazzjonijiet ta’ uħud mis-sewwieqa, sewwieqa xurbana, l-użu tat-telefon ċellulari waqt is-sewqan, is-sewqan b’aggressjoni, ħsarat mekkaniċi u l-kundizzjonijiet tat-toroq.
In-nuqqas ta’ esperjenza u l-għoti tal-liċenzja lil persuni anzjani fl-eta’ ukoll jistgħu jkunu l-kawża ta’ xi inċidenti.
Iż-żieda tal-inċidenti fit-toroq hi wkoll marbuta mat-tkabbir fil-popolazzjoni u n-numru ta’ vetturi li qed jinstaqu fit-toroq tagħna.
Sabiex ikunu evitati l-inċidenti, sewwieq għandu jkun prudenti u joqgħod attent li ma jiksirx ir-regolamenti tat-traffiku filwaqt li jimxi mal-kultura tas-sigurta’ fit-toroq.
Min-naħa l-oħra, il-Pulizija għandhom rwol prinċipali biex jinkoraġġixxu l-imġieba adekwata waqt is-sewqan. Il-kampanji edukattivi mhumiex biżżejjed jekk ma jkunux akkumpanjati minn pieni aktar ħorox għal offiżi ta’ sewqan perikoluż.
Għaldaqstant, l-importanza tal-infurzar u d-dixxiplina għandhom ikunu kruċjali sabiex, fost oħrajn, ikun indirizzat il-‘qżież’ ta’ wħud mis-sewwieqa. Jekk hemm bżonn titteħdilhom il-liċenzja u wara li jkunu edukati mill-ġdid kif iġibu ruħhom fit-triq jistgħu jerġgħu jingħataw l-opportunita’ biex ikunu ċittadini responsabbli.