Coronavirus against European Union grunge flag. Virus causing epidemic concept

Disgħa minn kull għaxar Maltin jemmnu li l-Unjoni Ewropea għandu jkollha aktar kompetenzi fil-ġlieda kontra l-pandemija Covid-19. Din iċ-ċifra (87%) tiżboq il-medja Ewropea li hi ta’ 66%.

Din ix-xejra fl-opinjoni pubblika tirriżulta mit-tielet stħarriġ li sar din is-sena mill-Parlament Ewropew dwar x’jaħsbu ċ-ċittadini Ewropej fuq il-kriżi tal-coronavirus u l-attitudnijiet tagħhom lejn l-UE.

Għalkemm 50% tal-Ewropej isemmu ‘l-inċertezza’ bħala l-istat emozzjonali ewlieni li jħossuhom fih, hekk kif l-impatt ekonomiku tal-pandemija qed jinħass, iktar nies għandhom immaġni pożittiva tal-UE issa milli fir-Rebbiegħa.

F’Malta l-inċertezza hija wkoll is-sentiment dominanti, għal 44%, u għalkemm l-immaġni pożittiva tal-UE niżlet b’żewġ punti, hija ugwali għall-medja tal-UE.

Il-prijoritajiet fl-infiq

Il-maġġoranza ta’ dawk li wieġbu (54%) jaħsbu li l-UE għandu jkollha mezzi finanzjarji akbar biex tindirizza l-konsegwenzi tal-pandemija. F’Malta, l-opinjoni pubblika hija iktar qawwija favur dan, u telgħat b’seba’ punti għal 69%.

Madankollu, għaċ-ċittadini tal-UE huwa importanti ħafna li l-fondi tal-UE jmorru biss għall-Istati Membri b’sistema ġudizzjarja li tiffunzjona u b’rispett robust tal-valuri demokratiċi komuni Ewropej. Aktar minn tliet kwarti ta’ dawk li wieġbu (77%) – u 79% tal-Maltin –  jaqblu li l-UE għandha tipprovdi biss fondi lill-Istati Membri bil-kundizzjoni li l-gvern tagħhom jimplimenta l-istat tad-dritt u l-prinċipji demokratiċi.

Is-saħħa pubblika għandha tkun  l-ewwel l-prijorità fl-infiq għal 54%, segwita mill-irkupru ekonomiku u opportunitajiet ġodda għan-negozji (42%), it-tibdil fil-klima u l-protezzjoni ambjentali (37%), kif ukoll l-impjiegi u l-affarijiet soċjali (35%).

Malta, bi 58%, hija s-seba’ fost it-18-il Stat Membru fejn dawk li wieġbu jqisu s-saħħa pubblika bħala l-ogħla prijorità fl-infiq fejn jidħol il-baġit tal-UE. Fl-istess ħin il-Maltin huma l-inqas inklinati (b’25%) li jiffavorixxu li l-infiq għandu jiffoka fuq l-irkupru ekonomiku u opportunitajiet għan-negozji, segwiti mil-Lussemburgiżi b’29%.

Il-proporzjon ta’ Maltin li jaħsbu li l-impjiegi u l-affarijiet soċjali għandhom ikunu prijorità fl-infiq żdied b’6 punti perċentwali mit-tieni mewġa ta’ dan l-istħarriġ f’Lulju.

Titjib fl-attitudni, imma ħtieġa ta’ iktar solidarjetà

L-attitudnijiet lejn l-UE saru aktar pożittivi meta mqabbla mal-ewwel stħarriġ f’April u Mejju  ta’ din is-sena. Il-proporzjon ta’ dawk li wieġbu li għandhom immaġni pożittiva tal-UE żdied b’mod kostanti, minn 31% biss f’April 2020 għal 41% fl-istħarriġ preżenti.

Madankollu, il-maġġoranza ta’ dawk li wieġbu għadhom mhux sodisfatti bis-solidarjetà jew in-nuqqas tagħha, bejn l-Istati Membri tal-UE. Dan mhux il-każ f’Malta, fejn il-maġġoranza tal-Maltin (52%), flimkien ma’ maġġoranza t’Irlandiżi, Litwani u Portugiżi, huma sodisfatti bis-solidarjetà fost l-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-coronavirus.

62% tal-Malta sodisfatti kif qed jimxi l-Gvern

Madwar nofs dawk li wieġbu (49%) jgħidu li huma sodisfatti bil-miżuri li ħa l-gvern nazzjonali tagħhom s’issa kontra l-pandemija tal-coronavirus, filwaqt li proporzjon simili (48%) mhumiex sodisfatti. L-attitudnijiet saru aktar negattivi mill-aħħar mewġa tal-istħarriġ, bi tnaqqis fis-sodisfazzjon bil-miżuri tal-gvernijiet. F’Malta, fejn bi 62% s-sodisfazzjon huwa ’l fuq mill-medja tal-Unjoni, dan ukoll naqas, kif naqas f’25 minn 27 Stat Membru, bl-uniċi eċċezzjonijiet ikunu l-Iżvezja u l-Italja.

Madwar l-UE, aktar minn terz ta’ dawk li wieġbu (39%) jgħidu li l-pandemija tal-COVID-19 diġà kellha impatt fuq id-dħul personali tagħhom – din iċ-ċifra hija ogħla f’Malta (43%). Kien hemm 27% oħra – u 23% tal-Maltin – li qalu li qed jistennew impatt bħal dan fuq il-finanzi tagħhom fil-futur.

B’mod ġenerali, iż-żgħażagħ u l-familji bit-tfal jidhru li huma l-agħar milquta mill-kriżi: 64% taċ-ċittadini bejn is-16 u l-34 sena esperjenzaw xi forma ta’ diffikultajiet finanzjarji. Fost dawk li wieġbu li għandhom it-tfal, 27% użaw dak li kellhom imġemma aktar kmieni milli kien ippjanat. F’ħames Stati Membri (Ċipru, il-Greċja, Spanja, ir-Rumanija u l-Bulgarija) aktar minn nofs dawk li wieġbu jgħidu li l-pandemija diġà laqtet id-dħul personali tagħhom