6 raġunijiet għaliex ir-riżultati tal-kunsilli kienu differenti minn tal-PE
Issa li għaddew l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-kunsilli lokali tat-8 ta’ Ġunju, ħafna staqsew ir-raġuni għaliex ir-riżultati kienu differenti b’mod sinifikanti. Filwaqt li fl-elezzjoni tal-PE il-Labour tilef ħafna mill-maġġoranza tiegħu li niżlet minn 42,000 fl-2019 għal 8,500 vot biss, fl-elezzjoni tal-kunsilli it-telf ma kienx daqshekk evidenti hekk kif il-maġġoranza niżlet minn 47,000 għal 20,000.
1 L-elettorat huwa kemmxejn differenti
Għalkemm il-biċċa l-kbira tal-votanti huma l-istess, hemm aktar nies eliġibbli biex jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali peress li f’dan il-każ ir-reġistru elettorali jinkludi wkoll ċittadini tal-UE reġistrati bħala residenti tal-Gżejjer Maltin. Fl-elezzjoni tal-PE dawn tal-aħħar jistgħu jagħżlu li jivvutaw f’pajjiżhom u mhux f’Malta. Għalhekk, filwaqt li fl-elezzjonijiet tal-kunsilli tal-2024 in-numru ta’ votanti reġistrati kien ta’ 457,343, fl-elezzjoni tal-PE iċ-ċifra rispettiva kienet ferm inqas ta’ 370,184.
2 L-elezzjonijiet tal-kunsilli u tal-PE huma kemxejn imprevedibbli
Ħafna drabi, dawn huma elezzjonijiet ta’ nofs il-leġiżlatura u għalhekk jipprovdu opportunità tajba għall-elettorat biex iwasslu vot ta’ protesta jekk l-affarijiet ma jkunux sejrin kif jixtiequ. Fl-istess ħin dan jagħmluh għax jafu li m’hemm l-ebda riskju li jitilfu l-gvern. Għalhekk, ir-riżultat għandu tendenza li jkun fih elementi ta’ sorpriża.
3 Parteċipazzjoni aktar baxxa tal-votanti
Il-floating voters u sa ċertu punt il-partitarji akkaniti li jkunu xi mftit imdejqin mill-mod kif il-partit tagħhom ikun qed huma aktar suxxettibbli li jesprimu l-iskuntentizza tagħhom f’dawn l-elezzjonijiet. Wieħed mill-modi kif tesprimi dan il-vot ta’ protesta huwa billi tibqa’ d-dar. Fl-elezzjonijiet tal-kunsilli l-parteċipazzjoni kienet ta’ 59.6% jiġifieri kien hemm 184,736 votant eliġibbli li ma vvutawx. Fil-każ tal-elezzjoni tal-PE it-turnout kien ogħla għal 73% b’100,042 joqogħdu d-dar.
4 Kandidati indipendenti u partiti żgħar
Il-votanti huma konxji bis-sħiħ li ċ-ċansijiet ta’ kandidati indipendenti u partiti żgħar li jirbħu xi siġġijiet f’elezzjoni nazzjonali huwa żgħir ħafna. L-aħħar darba li tliet partiti kienu rappreżentati fil-parlament kien fl-1962. Minkejja dan, dawn il-kandidati għadhom ċans akbar li jiksbu voti ta’ protesta f’dawn l-elezzjonijiet. Fil-fatt, il-PN ma rnexxilux jikkapitalizza bis-sħiħ mit-telf tal-Labour hekk kif kandidati indipendenti approfittaw b’mod sinifikanti mill-wirja fqira tal-Labour fl-elezzjoni tal-PE, fejn kisbu 33,102 vot. Għalkemm mhux biżżejjed biex jidħlu fit-tellieqa għal siġġu, xorta kienet wirja relattivament tajba. Fatt sinifikanti hu l fl-elezzjoni tal-PE il-votanti kollha kellhom l-għażla li jivvutaw għal kandidati indipendenti u partiti żgħar peress li Malta kienet distrett wieħed. B’kuntrast fl-elezzjonijiet tal-kunsilli, kien hemm lokalitajiet li fihom ikkontestaw il-PL u l-PN biss. Għalhekk, il-votanti Laburisti skuntenti jistgħu joqogħdu lura milli jaqilbu l-vot. Konsegwentement, jew ma vvutawx jew fl-aħħar mill-aħħar ivvutaw PL xorta waħda. Dan ma jfissirx li ma kienx hemm swing mill-PL għall-PN, iżda l-akbar telf tal-Labour kien f’lokalitajiet ikkontestati minn kandidati indipendenti hekk kif tilfu l-voti għat-tnejn.
5 Lealtà tal-partit mhux daqshekk qawwija fil-livell lokali
Filwaqt li fuq skala nazzjonali ftit li xejn issib min iqassam il-preferenzi tal-vot minn partit għall-ieħor (cross voting), fil-livell lokali din mhux xi ħaġa rari. Kien hemm każijiet fejn votanti leali tal-partiti għażlu li jivvutaw għal sindku li ġej minn partit rivali. Ir-raġunijiet jistgħu jkunu diversi – prestazzjoni tajba ħafna minn dan il-kandidat, rabtiet familjari u tim fqir ta’ kandidati mill-partit tagħhom stess. Għalhekk, ir-riżultat jaf ikun xi ftit differenti milli kieku kienet elezzjoni fuq skala nazzjonali.
6 Star candidates
Kif jissuġġerixxi isimhom, star candidates għandhom il-karatteristika speċjali li jkunu kapaċi jattiraw votanti minn kampijiet li mhux tradizzjonalment jivvotaw lil dak il-partit partikulari. F’dan ir-rigward, il-fatt l-President tal-PE Roberta Metsola kienet fost it-tim ta’ kandidati kien ta vantaġġ kbir għall-PN fl-elezzjoni tal-PE. Fil-fatt kien hemm ħafna voti li kien fihom biss l-ewwel preferenza għal Metsola u xejn aktar. Dan jindika li kieku ma kkontestatx x’aktarx li l-PL kien ikollu rebħa akbar. Huwa stmat li 10% tal-votanti tagħha taw it-tieni preferenza lil kandidati mhux tal-PN. Il-mistoqsija għalhekk tberren: Se jirnexxielu l-PN jżomm lill-votanti tal-‘Metsola’ fl-elezzjoni ġenerali li jmiss?