Il-kuntentizza kollha madwarna sseħħ meta nixtiequ ‘l ħaddieħor ikun kuntent
Bħalissa huwa ż-żmien li jsiru l-iskambji tal-isbaħ xewqat għall-Milied u s-sena l-ġdida. Wieħed jistaqsi, kemm huma ġenwini dawn ix-xewqat biex jawguraw kuntentizza, risq u barka lil dak li jkun?
Ieqaf ftit u aħseb fil-qraba u fil-ħbieb tiegħek. Minn qalbek ixtiqilhom l-kuntentizza f’ħajjithom. Li tgħożż lil ħaddieħor hi ċ-ċavetta biex tkun kuntent. Meta nuru mħabba u għożża lejn ħaddieħor, il-ħajja tagħna ta’ kuljum tkun aktar fil-paċi, armonjuża u sinifikanti.
Nistgħu nibdew billi naġixxu fil-prattika ma’ min hu qrib tagħna, mal-familja – u naraw x’jiġri. Nistgħu bil-mod il-mod nestendu dawn l-emozzjonijiet lejn dawk kollha li ħajjithom tiġi f’kuntatt ma’ tagħna. Dan jieħu ż-żmien imma jkun jaqbillek. L-effett hu li ħafna mill-problemi tagħna, bħalma huma r-rabja, l-għira u l-imġieba egoista, jisparixxu u moħħna jkun aktar kalm u fis-serenita’.
Il-kummidjanta u attriċi Wanda Sykes qalet li “jekk hemm xi ħaġa li suppost qed tagħmilha, jekk għandek passjoni għaliha, ieqaf ixtieqha u wettaqha”. Ma nistax ma naqbilx ma’ din il-kwotazzjoni, u nazzarda biex ngħid li x-xewqat mhumiex għalxejn. Wara li qrajt il-kwotazzjoni ta’ Sykes għal aktar minn darba, irrealizzajt li l-ewwel u qabel kollox irid ikollna dik ix-xewqa – dik il-ħeġġa li tinstigak biex ix-xewqa sseħħ.
Xewqa hi l-pedament għal azzjoni. Meta, f’ħajjitna, nixtiequ xi ħaġa, li verament għandna bżonnha, nibdlu jew insarrfu dik ix-xewqa f’azzjoni. Meta nixtiequ nkunu rridu. U meta rridu nkunu mħeġġa biex inwettqu.
Għalhekk għandna bżonn ix-xewqat. Irriduhom jimmotivawna biex naġixxu. Irriduhom jiddefinixxu min aħna u xi rridu minn ħajjitna u min-nies ta’ madwarna.
Il-moħħ li jgħożż lil ħaddieħor u jesprimi l-isbaħ xewqat huwa moħħ prezzjuż – xi ħaġa rari fis-soċjeta’ tagħna.
Nixtiqilkom Milied hieni li jaf jagħti biss Ġesu’ Bambin.