Bżonn ta’ rieda politika li tindirizza nuqqasijiet fis-suq tax-xogħol
“Jeħtieġ li jkun hemm rieda politika biex tindirizza n-nuqqas preżenti fis-suq tax-xogħol. Din ir-rieda għandha tkopri determinazzjoni qawwija sabiex is-sistema edukattiva tiġi riformata ħalli tkun effettiva biex tagħti lill-ħaddiema l-ħiliet u l-għarfien li l-ekonomija tal-lum u ta’ għada għandha bżonn”.
Dan qalu Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers f’diskors waqt seminar bit-tema Shaping of labour relations through workers’ organisations – which factors have a direct influence on professional life? organizzat minn UĦM Voice of the Workers b’kollaborazzjoni taċ-Ċentru Ewropew għall-Mistoqsijiet tal-Ħaddiema (EZA). L-avveniment sar fil-Lukanda Cavalieri, San Ġiljan bejn il-Ħamis 6 u l-Ġimgħa 7 ta’ Diċembru 2018.
Is-sessjoni tal-Ħamis filgħodu bdiet b’introduzzjoni minn Jesmond Bonello, id-Direttur ta’ UĦM Voice of the Workers. Hu qal li kull tibdil fil-post tax-xogħol għandu jsir wara konsultazzjoni mal-ħaddiema u r-rappreżentanti tagħhom. Jekk dan ma jsirx allura s-sitwazzjoni tista’ twassal għal dimotivazzjoni fost il-ħaddiema u anki għal depressjoni. Filwaqt li faħħar l-aġġornamenti li ta’ spiss nisimgħu fit-teknoloġija, hu tenna l-appell għat-taħriġ fost l-impjegati. Id-Direttur ta’ UĦM Voice of the Workers żied li l-akbar sfida għal kull union hi kif wara ħidma kollettiva jiġu esposti l-vantaġġi. Hu kompla li l-unions għandhom ikomplu jaddattaw ruħhom għall-bidliet fl-ekonomija internazzjonali ħalli jkomplu jevolvu.
Josef Mozolewski, il-Viċi President ta’ EZA mill-Polonja, fisser ix-xogħol u l-proġetti li ċ-Ċentru wettaq din is-sena. Hu faħħar lil UĦM Voice of the Workers għall-impenn tagħha biex tindirizza l-isfida tad-diġitalizzazzjoni fis-suq tax-xogħol illum. Hu qal li l-EZA din is-sena trattat diversi suġġetti fosthom dwar l-immigrazzjoni u ddiskutiet programmi dwar l-edukazzjoni, il-ħiliet u kif dawn jinfilsaw ruħhom fis-suq tax-xogħol. Hu tkellem dwar Solidarnosc u stqarr li l-organizzazzjoni rinomata Pollakka għadha qed taħdem biex ittejjeb il-kwalita’ tal-ħajja fil-pajjiż. Il-Viċi President tal-EZA stqarr li llum is-soċjeta’ qed tħabbat wiċċha ma’ sfidi ġodda li m’għandhomx jaqtgħulna qalbna.
Karin Schӧnpflug, mill-Istitut għall-Istudji Avvanzati tal-Awstrija, tkellmet dwar it-trade unions f’dinja li qed tinbidel. Hi qalet li ż-żgħażagħ Awstrijaċi ma jitkellmux dwar il-politika fil-media soċjali filwaqt li f’Malta x-xejra hi pjuttost differenti. Hi fissret li x-xogħolijiet tradizzjonali qed jonqsu u l-eta’ tal-membri fi trade unions Ewropej qed tixjieħ.
Dr. James Calleja, il-Kap Eżekuttiv tal-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija (MCAST) qal, fost oħrajn, li mingħajr ħaddiema ta’ ċertu ħiliet speċjalizzati, il-pajjiż ibati biex isib ħaddiema f’setturi partikulari. Dr. Calleja stqarr li l-ħaddiema llum saru edukati u l-edukazzjoni bidlet il-postijiet tax-xogħol f’ċentri li jagħtu dinjita’ lill-persuna. Min-naħa l-oħra għad baqa’ xi jsir biex tingħalaq id-diskrepanza bejn il-ħaddiema tal-id u ħaddiema ta’ edukazzjoni terzjarja. Dr. Calleja stqarr li minkejja l-era moderna li qed ngħixu fiha, it-trade unions iridu jibqgħu jiddefendu d-drittijiet tal-ħaddiema. Staqsa jekk it-trade unions għadhomx moda u staqsa wkoll jekk il-kumitati tal-ħaddiema humiex se jibdlu t-trade unions. Hu qal li dak li nkiseb fl-universitajiet għadu ma nkisibx fit-taħriġ edukattiv u vokazzjonali. Hawn, sostna Dr. Calleja, il-unions jistgħu jagħtu sehemhom fit-tisħiħ ta’ zoni għat-tagħlim. Staqsa kif se jaħdmu r-robots f’dik li għandha x’taqsam is-sħubija fil-unions. Dr. Calleja jara t-trade unions f’numru ta’ rwoli, fosthom, li jiksbu l-fondi u jagħmluha ta’ medjaturi bejn id-dinja tax-xogħol u l-qasam edukattiv u vokazzjonali. Jara wkoll it-trade unions bħala msieħba mal-industrija sabiex il-ħaddiema jtejbu lilhom infushom. Hu qal li t-trade unions għandhom ikunu xprun għall-edukazzjoni formali u informali.
Is-seminar issokta b’diskussjoni fejn tqajmet is-sħubija fit-trade unions. Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers ippropona l-mudell tal-agency shop, jew aħjar sistema fejn membri li mhumiex f’union iħallsu miżata lill-union għal servizzi fin-negozjar tal-kuntratt tax-xogħol tagħhom. Madankollu l-flus imorru f’fond ċentralizzat sabiex jiffinanzja inizjattivi għat-trade unions fir-riċerka u oħrajn marbutin mal-istatistika. Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers saħaq li l-prinċipju hu li jekk qed tieħu servizz trid tħallas tas-servizz. B’hekk l-abbuż mill-free riders ikun jista’ jiġi kkontrollat. Hu saħaq li jkun aħjar li jiġi indirizzat il-free riding milli nirrikorru għall-għajnuna mill-istat.
Josef Vella reġa’ tkellem dwar il-prekarjat, kwistjoni li l-UĦM Voice of the Workers ilha titkellem fuqha għal dawn l-aħħar erba’ snin. Hu reġa’ fisser il-proposta ta’ din il-union sabiex il-kuntratti tax-xogħol jitqiegħdu fuq portall minn fejn il-ħaddiem jista’ jikseb kopja ta’ kuntratt b’mod awtomatiku. L-iskop wara din il-proposta hu li ‘nżewġu’ t-teknoloġija mal-liġi sabiex ikun hemm iżjed infurzar u biex l-abbuż ikun ikkontrollat.
L-Avukat Matthew Brincat, mill-Malta Employment Lawyers Association (MELA) qal li l-ħaddiema m’għandhomx jiġu sfurzati biex jissieħbu f’union. Hu ma jaqbilx mal-proposta tal-UĦM dwar il-portal u minflok ippropona l-blacklisting ta’ dawk il-kumpaniji li ma jimxux mal-liġi.
It-Tabib Martin Balzan, il-President tal-Konfederazzjoni tat-Trade Unions Maltin (CMTU) u President tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) qal li s-sħubija volontarja għall-membri tagħti vantaġġ lill-membru biex jeżerċizza l-influwenza tiegħu. Dr. Balzan stqarr li għandu jkun hemm statistika uffiċjali dwar kif is-salarji qed jiċċaqilqu minn settur għal ieħor.
L-Ewro Parlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola qalet li llum l-Ewropa trid tassigura li jkun hawn aktar xogħolijiet b’dinjita’ u li jissalvagwardjaw id-drittijiet tal-bniedem. Hi qalet li jrid ikun hawn iżjed infurzar kontra min qed jabbuża u jisfrutta lill-ħaddiem. Roberta Metsola qalet li l-unions iridu jaddattaw sabiex jaffaċċjaw il-futur. Minkejja li t-teknoloġiji tal-lum qed joffru diversi sfidi, l-Ewro Parlamentari Nazzjonalista saħqet li rridu nżommu lill-individwu fiċ-ċentru ta’ dak li nagħmlu u ninċentivawh permezz tat-taħriġ. Fuq kollox, żiedet Roberta Metsola, il-unions iridu jkunu l-gwardjani fit-tisħiħ tas-soċjeta’.
Intant f’sezzjoni oħra tas-seminar, tkellem John Mallia, Direttur Maniġerjali ta’ MediaCoop, li qal, fost oħrajn, li s-solidarjeta’ llum qed tintwera l-aktar fil-media soċjali. Hu qal li qed jinbtu ħafna għodda teknoloġiċi li qed jinfluwenzaw dak li qed jiġri fis-suq tax-xogħol.
Mara Edelj, il-President ta’ BOFOS tas-Serbja, qalet fost oħrajn li l-ħaddiema żgħażagħ tal-lum ma jridux impjieg li jibqgħu bih sakemm jirtiraw. Hi qalet li rridu niddefenixxu r-rwol tat-trade unions, jiġifieri, li jkomplu jibbażaw il-ħidma tagħhom fuq is-solidarjeta’ u jkunu lesti għal bidliet f’tagħlim tul il-ħajja.
Veselina Starcheva, mill-Konfederazzjoni tax-Xogħol PODKREPA tal-Bulgarija, qalet li l-organizzazzjoni li tagħha hi membru taħdem ħafna biex taġġorna ruħha mal-avvanzi fit-teknoloġija u kif dawn qed jaffettwaw lill-ħaddiema. Hi qalet li llum il-unions iridu jifhmu aħjar lill-ħaddiema fid-dawl tal-bidliet li qed iseħħu fis-suq tax-xogħol. Maria Pedrova, ukoll minn PODKREPA, żiedet li qed issir ħidma biex id-diġitalizzazzjoni ma ttellifx l-andament fis-suq tax-xogħol.
Andreas Gjecaj, is-Segretarju Ġenerali ta’ FCB, OGB mill-Awstrija qal li għandha tingħata attenzjoni lill-fatt li d-diġitalizzazzjoni qed tespandi b’rata mgħaġġla ħafna. Anton Jansen, mit-trade union tal-pulizija ACP, tkellem dwar il-ġenerazzjonijiet differenti ta’ ħaddiema li lkoll jaddattaw għall-istess sejħa tagħhom sabiex jimpenjaw ruħhom f’suq tax-xogħol li qed jiddiversifika.
Katarzyna Kaca u Karol Nosal, minn Solidarnosc tal-Polonja, fissru l-qagħda tas-suq tax-xogħol fil-Polonja. Huma qalu li t-trade unions iridu jirreaġixxu għad-diġitalizzazzjoni li tista’ twassal għal inugwaljanzi soċjali. Mariana Lemos Martins, rappreżentanta minn Fidestra Junior tal-Portugall, qalet li f’pajjiżha t-trade unions ikunu fl-aħbarijiet meta jinqala’ l-inkwiet industrijali. Hi qalet li l-bniedem, miċ-ċkunija, għandu jiġi mgħallem dwar l-importanza tax-xogħol. Hi qalet li t-trade unions għandhom iżuru aktar il-postijiet tax-xogħol biex jifhmu l-ideat, it-tħassib u l-weġgħat tal-ħaddiema.
Jesmond Bonello, id-Direttur ta’ UĦM Voice of the Workers, ikkonkluda s-sessjoni tal-Ħamis billi qal li l-unions għandhom jimpenjaw ruħhom iżjed fuq ir-riċerka. Hu stqarr li l-UĦM f’dawn l-aħħar snin immodernizzat ruħha u qed taddatta ruħha għaż-żminijiet tal-lum. Jesmond Bonello qal li jekk union trid tagħti l-aħjar servizz għandha wkoll tikkunsidra x-short-term membership kif ukoll tagħti kas tal-marketing professjonali.
Is-seminar kompla l-Ġimgħa 7 ta’ Diċembru b’sessjoni interessanti oħra. Fid-diskors tiegħu, Josef Vella, Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers, stqarr li bħala union, il-UĦM Voice of the Workers talbet biex isir dibattitu fil-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) dwar l-iżviluppi li qed iseħħu u kif se jkun is-suq tax-xogħol fil-ħames snin jew fl-10 snin li ġejjin.
Hu staqsa kif il-preżenza dejjem tiżdied ta’ ħaddiema barranin qed tolqot in-negozjar kollettiv fil-gżejjer Maltin. Irridu wkoll inkunu nafu eżattament x’inhi eżattament id-direzzjoni politika ta’ dan il-gvern f’termini ta’ influssi ta’ immigranti f’dak li għandu x’jaqsam ċittadini minn pajjżi terzi.
Josef Vella qal li m’aħniex konxji dwar xi eżerċizzju biex ibassar il-ħiliet f’Malta. Xi pjani hemm biex tingħeleb id-diskrepanza fil-ħiliet? Għaliex is-sistema edukattiva Maltija qed titħabat biex tindirizza d-distakk fil-ħiliet? Hu qal li l-Gvern irid jirriforma b’mod drastiku l-istrateġiji dwar ix-xogħol u dawk edukattivi tiegħu fis-suq. Malta tista’ tħares ‘il quddiem b’ottimiżmu sakemm għandha l-kuraġġ u r-rieda politika biex tmexxi f’dinja li qed tinbidel.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers tkellem dwar l-impatt tad-diġitalizzazzjoni fuq is-suq tax-xogħol. Hu qal li l-bidla teknoloġika hi waħda mill-fatturi ewlenin li se tinfluwenza s-swieq tax-xogħol, id-domanda u l-provvista tal-ħiliet kif ukoll l-istruttura tax-xogħolijiet. Josef Vella fisser li l-inugwaljanzi li jistgħu jinqalgħu mill-bidliet teknoloġiċi huma kwistjonijiet li jqanqlu tħassib kbir.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers qal li d-djalogu soċjali hu neċessarju biex jassigura li d-diġitalizzazzjoni ma tagħmilx ħsara lill-kundizzjonijiet tax-xogħol jew lil-livelli tas-servizz. Hu qal li l-esperti qed ibassru li se jkun hemm 1.4 miljun ħaddiem fid-data fl-Ewropa sal-2020. Il-Forum Ekonomiku Dinji qed ibassar li 65 fil-mija tat-tfal li llum jattendu l-iskola primarja se jispiċċaw jagħmlu xogħolijiet li għadhom lanqas jeżistu.
Josef Vella kkonkluda li l-isforzi għandhom jissaħħu fl-oqsma tal-edukazzjoni vokazzjonali u l-edukazzjoni għolja sabiex naffaċċjaw ir-realta’ teknoloġika tal-lum. Dawn l-isforzi għandhom ukoll jiffokaw fuq ir-refuġjati u l-immigranti irregolari u l-integrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.
Joseph F. X. Zahra, Direttur ta’ Surge Advisory Malta qal li rridu nibdlu l-mod kif inħarsu lejn l-affarijiet u nieħdu l-inizjattivi. Hu qal li m’hemm xejn ħażin li wieħed jgħid li ħafna mill-bidliet iseħħu f’nofs xi kriżi. Hu staqsa dwar ir-rwol tal-unions biex nimmaniġjaw il-bidliet u rridu nsaħħu l-fiduċja fost il-membri tal-unions. Imma wieħed ukoll jistaqsi: aħna kapaċi u kompetenti biżżejjed biex nilqgħu l-bidliet? Staqsa wkoll kif l-organizzazzjonijiet jirreaġixxu għall-bidliet – b’mod arroganti, b’mod li jaddattaw, li jinqabdu f’xi nassa jew biex iħallu legat? Jekk irridu nħarsu lejn il-futur, irridu naddattaw. Irridu nbidlu l-mod kif naħsbu – fejn se nkunu fis-snin li ġejjin? Is-solidarjeta’ u r-relazzjonijiet bejn in-nies ukoll iridu jissaħħu. Hu temm li l-union irid ikollha aktar minn rwol wieħed u ma tibqax monolitika. Joseph F. X. Zahra qal li rridu nisħqu wkoll fuq l-etika u l-valuri fis-suq tax-xogħol. Għandna niffokaw fuq l-integrita’, l-onesta’, is-sussidjarjeta’, is-solidarjeta’ minflok l-immaniġġjar tal-konflitt. Fuq kollox l-edukazzjoni u l-kontabbilta’ huma kruċjali għaż-żminijiet tal-lum.
Dr. Philip von Brockdorff, il-Kap tad-Dipartiment tal-Ekonomija fl-Universita’ ta’ Malta u rappreżentant ta’ din il-union fil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (EESC), qal li ħafna drabi l-partiti fil-gvern jaqgħu għall-globalizzazzjoni, għan-nies għonja jew dawk b’saħħithom. Hu qal li l-globalizzazzjoni qed toħloq inċertezzi fost il-ħaddiema filwaqt li x-xogħol prekarju qed jgħolli rasu. Dan kollu qed iwassal għal inugwaljanzi u ħaddiema li qed jiġu sfruttati u mħallsa pagi baxxi ħafna. Hu rrefera għall-każi riċenti ta’ ħaddiem Libjan li waqa’ seba’ sulari u miet. Id-dibattitu li qam wara t-traġedja ma kienx fuq il-livell ta’ xogħol li kien qed isir imma jekk filmat li xxandar fuq is-social media kellux jixxandar jew le. Hu tkellem dwar il-qagħda ta’ ħaddiema minn pajjiżi terzi li, kawża ta’ ħlas prekarju, jeħtieġ li jingħataw attenzjoni u li għandhom jissieħbu f’union biex drittijiethom ikunu mħarsa. In-numru ta’ ħaddiema li jitħallsu bil-prekarjat qed jikber u l-unions iridu jilħqu komunitajiet ta’ immigranti. “Ma rridux ikollna ghettoes imma għandha ssir l-integrazzjoni tal-immigranti”, sostna Dr. von Brockdorff. Barra minn hekk, it-trade unions iridu jiżviluppaw strateġiji li jmorru lil hinn mir-rwol tagħhom sabiex jinħolqu l-policies. It-trade unions wkoll iridu jsibu bilanċ bejn id-dimensjoni ekonomika u dik soċjali.
Is-sessjoni kompliet bix-xandir ta’ filmat dwar ir-rwol ta’ UĦM Voice of the Workers fil-qasam trejdunjonistiku.
Is-seminar intemm b’kelmtejn minn Jesmond Bonello, id-Direttur ta’ UĦM Voice of the Workers. Hu qal li d-diġitalizzazzjoni hi waħda mill-isfidi komuni li qed jaffaċċjaw il-unions illum. Hu rrefera għal persuni minn pajjiżi terzi li wħud integraw u saħansitra ssieħbu f’union. Hu stqarr li ma nistgħux inwaqqfu l-globalizzazzjoni imma nistgħu naġġustaw ruħna fid-direzzjoni t-tajba.