Malta hija fost 13-il pajjiż tal-Unjoni Ewropea fejn l-inugwaljanza fid-dħul żdiedet, b’riżultat li l-hekk imsejħa klassi medja qed tkompli tiċkien. Din ix-xejra ħarġet minn rapport ta’ Eurofound, li b’mod regolari jsegwi l-kwalità tal-ħajja u tax-xogħol madwar l-Ewropa. L-iktar li qed ibatu huma dawk li jaqilgħu l-paga minima u jgħixu waħedhom, peress li dawn huma fost dawk li l-aktar qed isibuha diffiċli biex ilaħħqu mal-ħajja.

Skont il-Eurofound, il-klassi medja hija magħmula minn dawk il-familji li d-dħul tagħhom jinsab bejn 75% u 200% tad-dħul medjan nazzjonali. Għalkemm m’hemmx figura uffiċjali eżatta, id-dħul medjan f’Malta fl-2024 kien stmat għal madwar €20,430. Din iċ-ċifra hija bbażata fuq l-at-risk-of-poverty treshold (ARPT), li kien stmat għal €12,258 (jiġifieri 60% tad-dħul medjan). Għalhekk, familji bi dħul bejn €15,320 u €40,860 huma meqjusa bħala parti mill-klassi medja.

Ir-rapport jinnota li l-klassi medja naqset fi kważi żewġ terzi tal-Istati Membri, għalkemm b’livelli differenti. L-akbar tnaqqis kien reġistrat kemm f’pajjiżi  li kienu membri qabel l-2004 – b’mod speċjali l-Iżvezja u l-Lussemburgu, kif ukoll l-Olanda, il-Ġermanja, l-Awstrija u d-Danimarka – kif ukoll f’dawk li ssieħbu wara l-2004, b’mod partikulari l-Bulgarija u Malta, il-Litwanja, iċ-Ċekja, l-Ungerija u l-Estonja.

Min-naħa l-oħra, il-klassi medja kibret f’għaxar pajjiżi, u f’uħud mill-pajjiżi ċentrali u tal-Ewropa tal-Lvant (bħar-Rumanija, il-Polonja u l-Kroazja), filwaqt li  fil-Portugall u l-Irlanda, dan it-tkabbir kienet sinifikanti.

Il-kriżi tal-għoli tal-ħajja ovvjament kellha impatt. Fatturi oħra li kabbru l-inugwaljanza fid-dħul – u kkompressaw il-klassi medja – jinkludu t-tnaqqis fil-kapaċità ta’ ridistribuzzjoni tad-dħul fil-livell tal-familja, prinċipalment minħabba tnaqqis fid-daqs medju tal-familji, kif ukoll żieda fid-diskrepanzi fil-pagi fis-swieq tax-xogħol, li ġrat f’nofs il-pajjiżi.

Jekk nagħtu ħarsa madwar l-UE jidher li wara rkupru parzjali fl-2023, is-sena li għaddiet kien hemm reċessjoni parzjali. Il- Eurofound qal li  30% kellhom diffikultà biex ilaħħqu mal-ispejjeż tal-ħajja – żieda meta mqabbla mal-22% fl-2023. Barra minn hekk, 10% kienu qabżu pagamenti ta’ kera jew ipoteka, filwaqt li 15% irrappurtaw dejn fuq kontijiet tad-dawl u l-ilma– żewġ ċifri li kollha kemm huma żdiedu meta mqabbla mas-sena ta’ qabel.

L-ispejjeż l-aktar għoljin kienu dawk għal għamara ġdida, attivitajiet ta’ rikreazzjoni, btajjel, li wieħed ikollu xi flus għalih innifsu kull ġimgħa, u l-possibbiltà li jiltaqa’ mal-familja jew ħbieb mill-inqas darba fix-xahar.